Saturday, November 23, 2024

Familtu nbiegħet… ta’ kuljum kien jara tortura u nies mibjugħa għax-xogħol

Aqra wkoll

Tifel ta’ 11-il sena li ħarab mil-Libja iżda ommu u ħutu reġgħu inqabdu… fl-aħħar ingħaqad mill-ġdid ma’ ommu

Minn VICTOR VELLA

Ħarbu mill-Kamerun bl-għan li jsibu ħajja aħjar. Vjaġġ li fih qasmu diversi fruntieri. Omm, tifel u żewġ ħutu bniet. Il-perikli fil-vjaġġ ma naqsux. Jispiċċaw il-Libja. Il-problemi għalihom hemmhekk kibru għax spiċċaw inħatfu minn grupp armat. L-omm u uliedha spiċċaw litteralment mibjugħin. Ittieħdu f’binja bla twieqi li fiha kien hemm ħafna persuni oħra. Kienu prattikament qegħdin ġo ħabs, miżmumin kontra r-rieda tagħhom It-tifel ta’ 11-il sena, jirrakkonta xeni xokkanti. Ta’ kuljum kien jara b’għajnejh tortura u nies jiġu mibjugħin  għax-xogħol qishom bhejjem.  L-unika soluzzjoni kienet il-ħarba.  Ittantaw jaħarbu. It-tifel irnexxielu qabeż iċ-ċint iżda ommu u ż-żewġ uliedha ma’ irnexxielhomx. Eventwalment reġgħu inqabdu mill-gwardjani li ħaduhom lura fil-ħabs u ittorturawhom talli ippruvaw jaħarbu.”

It-tifel spiċċa tela’ fuq dgħajsa għall-Ewropa u spiċċa Malta. Xhur wara isir jaf li ommu kienet Spanja, wara li din għamlet kuntatt miegħu. Minn hemm ‘l quddiem bdew proċeduri biex finalment jingħaqdu. L-intoppi ma kienux ftit, iżda finalment it-tifel ingħaqad ma’ ommu proprju ftit xhur ilu.

Dwar din l-istorja ta’ qsim il-qalb, jitfa’ dawl l-Ombudsman li daħal fil-każ u għen biex it-tifel jingħaqad m’ommu u ma’ ħutu wara li sar id-DNA.

Kien f’Marzu tas-sena 2019, l-Uffiċċju tal-Ombudsman Spanjol talab l-assistenza tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Malta dwar ħidma f’każ ta’ qsim il-qalb li kien jinvolvi lil Malta u Spanja.  Permezz ta’ għaqda mhux governattiva (NGO) li taħdem mal-immigranti fi Spanja, l-Ombudsman Spanjol kien ġie infurmat li tifel ta’ ħdax-il sena mill-Kamerun kien ġie savlat u trasferit Malta. Hu sostna li kien wild ta’ mara li flimkien maż-żewġ uliedha bniet, kienu ġew salvati minn fuq il-baħar wara vjaġġ diffiċli minn Niġerja, in-Niger u l-Libja u issa kienu qed ifittxu l-ażil fi Spanja. 

Il-minuri kien esprima x-xewqa li jingħaqad ma’ ommu u ma’ ħutu bniet li kienu jinsabu f’ċentru ta’ akkoljenza fi Spanja. L-Ombudsman Spanjol għarraf lil dan l-uffiċċju li kenu qed isiru sforzi mill-għaqdiet non governattivi u mill-uffiċċju tagħhom biex it-tifel jingħaqad mal-familja tiegħu. L-Ombudsman Spanjol talab l-għajnuna tal-Uffiċċju f’Malta biex jingħata assistenza fil-proċedura ta’ Malta għall-ażil minn tifel mhux akkumpanjat u biex jipprova jassisti lit-tifel fl-applikazzjoni tar-Regolament u Dublin kif ukoll biex jiġi finalizzat il-kampjun tad-DNA li kien meħtieġ biex tiġi stabbilita l-konnessjoni familjari. 

Storja ta’ uġiegħ, sofferenza u tortura

Mill-informazzjoni miġbura mill-għaqdiet non governattivi u mill-avukat tagħhom irriżulta li mal-wasla tagħha fil-Libja  kienet ġiet maqbuda minn grupp armat li ħadhom ġewwa faċilità simili għal ħabs.  Hemmhekk il-familja  kienet miżmuma kontra r-rieda tagħha għal xhur sħaħ fejn kellha esperjenzi koroh ta’ tortura u theddid. It-tifel iddeskriva li mallu waslu l-familja tiegħu ġiet ‘mibjugħa’ u tpoġġew f’dar mimlija nies u mingħajr twieqi.   Dan it-tifel ta’ kuljum kien jara b’għajnejh tortura u nies jiġu mibjugħa  għax-xogħol qishom bhejjem.  L-omm tirrakkkonta li meta ttantaw jaħarbu it-tifel qabeż ir-reċint iżda hi u ż-żewġ uliedhom ma’ irnexxielhomx. Eventwalment reġgħu inqabdu mill-gwardjani li ħaduhom lura fil-ħabs u ittorturawhom talli ippruvaw jaħarbu.

Il-minuri aktar tard tela’ fuq dgħajsa sejra lejn l-Ewropa  u minn hemmhekk ġie salvat minn fuq il-baħar u trasferit lejn Malta. Eventwalment it-tifel kien wera x-xewqa li jingħaqad ma’ ommu.

Mid-dokumentazzjoni mogħtija u mil-laqgħat li saru deher li l-branki tal-UNHCR f’Malta u fi Spanja kienu qed isegwu l-każ u t-tifel kien għamel kuntatt ma’ ġħaqda mhux governattiva fi Spanja biex ikun jista’ jiltaqa’ mal-familja.  IL-UNHCR iltaqgħet mal-omm, li ripetutament minn meta waslet fiċ-ċentru esprimiet ix-xewqa li tingħaqad ma’ binha. Il-UNHCR kelllha l-ħsieb li jivverifika l-koerenza tal-istorja u tiġbor l-informazzjoni biex tispjega s-sitwazzjoni kurrenti u l-għażliet li huma disponibbli. Ingħatat ukoll rapport psikosoċjali tal-omm dwar l-ansjetà u t-tensjoni enormi li sofriet minħabba din is-separazzjoni.

Id-DNA hu essenzjali biex tingħaqad il-familja

Fil-laqgħa mar-rappreżentanti tal-UNHCR, omm il-minuri sostniet li hi kienet tilfet iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ binha meta qasmu l-fruntiera mal-Kamerun. Minħabba li kien diffiċli ferm li dan id-dokument jerġa’ jinħareġ, l-omm kienet lesta li jsiru t-testijiet tad-DNA biex tipprova li hi kien l-omm bijoloġika tal-minuri. Matul din il-laqgħa l-għaqda mhux governattiva uriet ritratt minn fuq il-profil ta’ Facebook tal-omm mat-tliet itfal tagħha flimkien, kif ukoll ta’ diversi komunikazzjonijiet li kellha mal-minuri permezz tal-mowbajl.  L-omm kellha l-ewwel kuntatt mat-tifel meta kien diġa jinsab Malta u baqgħu f’kuntatt kontinwu.  L-għaqda tas-Salib l-Aħmar kienet ikkuntattjat direttament lill-awtoritajiet taċ-ċentru li kien qiegħed iżomm lit-tifel f’Malta. 

Minn tagħrif mogħti mill-Aġenżija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jfittxu l-Ażil (AWAS) jidher li meta t-tifel ġie eżaminat mill-awtoritajiet tas-saħħa u ġie intervistat bir-reqqa mill-AWAS, it-tifel ma kienx jinsab fejn tinsab ommu. Madankolu, wara ftit xhur kien qal li l-ħaddiema soċjali tiegħu li ommu kienet ikkuntattjatu. Għalhekk l-AWAS ħa ħsieb li jagħmel talba biex it-tifel jingħaqad mal-famija tiegħu permezz tar-Regolamenti ta’ Dublin.  Madankollu dan il-proċess normalment jieħu fit-tul minħabba t-testijiet tad-DNA biex tiġi eliminata l-possibilità ta’ traffikar uman. 

Kien ġie stabbilit li l-kampjun tad-DNA kien ittieħed diġa iżda kien għadu Matla jistenna li tinħareġ l-awtorizazzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet biex jintbagħat lejn Spanja. 

Ġie konfermat fil-fatt li l-mara kienet ommu, u l-ħidma għat-trasferiment tal-minuri u l-unifikazzjoni seħħet ftit żmien wara u ġiet kordinata mill-AWAS.  Filfatt, kien f’Lulju li l-minuri kien trasferit lejn Spanja. 

It-tifel u l-omm kienu applikaw għall-ażil u kienu qed jingħataw appoġġ psikosoċjali biex jgħinhom jiffaċċjaw u jtaffu mit-trawma li għaddew minnha meta kienu l-Libja. 

Sport