Il-Grupp Farsons illum ħabbar għadd ta’ riżultati b’saħħithom għall-ewwel nofs tas-sena u żewġ żviluppi strateġiċi ewlenin: il-ħatra ta’ Kap Eżekuttiv Assenjat u d-dikjarazzjoni ta’ dividendi b’total ta’ €49.1 miljun. Dan jinkludi dividend mhux finanzjarju ta’ €46.8 miljun permezz tal-istabbiliment u t-tqassim ta’ ishma fi Quinco Holdings p.l.c., kif ukoll dividend interim fi flus ta’ €2.34 miljun, ekwivalenti għal 6ċ5 kull sehem.
“Din is-sena hi pass importanti għall-Grupp Farsons, bit-trasferiment b’suċċess tan-Negozju tal-Ikel fi ħdan Quinco Holdings p.l.c.,” qal iċ-Chairman Louis A. Farrugia. “Ir-riżultati b’saħħithom għall-ewwel nofs tas-sena, imqanqlin mit-tkabbir f’kull settur, jikkonfermaw l-istrateġija soda tagħna. Nibqgħu fiduċjużi fil-kapaċità tagħna li nkomplu nidentifikaw opportunitajiet ġodda, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, u li nkomplu noħolqu valur fit-tul għall-azzjonisti tagħna.”
Id-dħul tal-Grupp fis-settur tax-Xorb żdied b’6.5% għal €54.8 miljun, filwaqt li l-profitt qabel it-taxxa żdied bi 11% għal €9 miljun. Is-settur tal-Ikel, li issa hu rrappurtat bħala operat imwaqqaf, ukoll wera tkabbir sod, bi dħul li żdied b’6.2% u b’żieda ta’ 2.5% fil-profittabbiltà, bis-saħħa tad-domanda qawwija u l-effiċjenza fl-operat.
Il-portafoll diversifikat tal-Grupp żamm ir-reżiljenza f’kull operat, b’mod partikolari fil-manifattura tax-xorb. L-espansjoni internazzjonali baqgħet prijorità: il-Grupp kompla jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-Ghana u l-Awstralja, filwaqt li d-dħul mill-esportazzjoni għall-marki ewlenin Kinnie u Cisk baqgħu juri potenzjal b’saħħtu.
Norman Aquilina, il-Kap Eżekuttiv, qal li: “Dawn ir-riżultati juru l-ħila tagħna li nadattaw, inkunu innovattivi u noħolqu l-valur f’suq kompetittiv. Bis-saħħa tal-portafoll b’saħħtu tal-marki kummerċjali u bil-preżenza internazzjonali tagħna, li qed tkompli tikber, qegħdin f’pożizzjoni tajba għal aktar tkabbir fil-futur u l-valur fit-tul għall-azzjonisti. Aħna mħeġġin mit-tkabbir sod kemm fis-setturi tax-xorb kif ukoll tal-ikel, u ħerqanin għal aktar tkabbir mgħaġġel fin-negozju tal-ikel fis-snin li ġejjin.”

Matul is-snin, il-Grupp evolva mill-operat ewlieni tiegħu fix-xorb f’organizzazzjoni diversifikata b’interessi fil-propjetà u l-ikel. Wara t-tneħħija b’suċċess ta’ Trident Estates p.l.c. fl-2018, in-Negozju tal-Ikel baqa’ jġib tkabbir b’saħħtu fid-dħul u fil-profitt. Ir-reviżjoni strateġika tal-Bord ikkonkludiet li l-aħjar mod għall-espansjoni kontinwa tiegħu hu li jiġi kkwotat għalih. L-azzjonisti approvaw dan il-pjan waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-26 ta’ Ġunju 2025, jiġifieri li Quinco Holdings p.l.c. tiġi kkwotata separatament fil-Borża ta’ Malta. Wara li nkisbet l-approvazzjoni regolatorja, il-Bord approva t-tqassim tal-ishma tal-Grupp fi Quinco Holdings p.l.c. lill-azzjonisti individwali permezz ta’ dividend mhux finanzjarju ta’ €46.8 miljun, li huwa ekwivalenti għal €1.30 kull sehem lil dawk irreġistrati bħala azzjonisti ta’ Simonds Farsons Cisk p.l.c. sat-30 ta’ Settembru 2025.
B’referenza għal din it-tarġa importanti, iċ-Chairman Louis A. Farrugia qal: “Il-Bord ħa deċiżjoni strateġika importanti meta approva s-separazzjoni tan-Negozju tal-Ikel tagħna. Bħala kumpanija kkwotata għaliha, b’Bord tad-Diretturi apposta għaliha, nemmnu li n-negozju issa jinsab f’pożizzjoni aħjar biex jikber fl-operat tiegħu ħalli joħloq iżjed valur għall-partijiet kollha interessati.
Dan il-proġett, li jinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ ċentru ta’ loġistika modern u mibni apposta b’investiment ta’ €20 miljun, ilu jiġi ppjanat bi ħsieb fl-aħħar tliet snin, b’impenn sinifikanti biex niżguraw is-suċċess tiegħu.”
Il-Bord tad-Diretturi ta’ Farsons illum ħabbar ukoll ħatriet ewlenin fil-livell tat-tmexxija bħala parti mill-ippjanar kontinwu tas-suċċessjoni u l-inizjattivi strateġiċi tat-tkabbir. Michael Farrugia nħatar Kap Eżekuttiv Assenjat b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2025. Wara li ngħaqad mal-Kumpanija fl-2006, Michael bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Viċi Kap Eżekuttiv tan-Negozju tax-Xorb, u se jassumi r-rwol ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Farsons fl-1 ta’ Lulju 2026.
Il-Bord ikkonferma wkoll lil Norman Aquilina, li ilu jservi bħala Kap Eżekuttiv ta’ Farsons mill-2010 u li t-terminu tiegħu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2026, biex ikompli jmexxi l-entità l-ġdida elenkata, Quinco Holdings p.l.c., bħala Chairman Eżekuttiv tagħha. Bi snin twal ta’ esperjenza fil-kumpanija u rekord ta’ suċċess fit-tmexxija tal-Grupp Farsons, il-ħidma ta’ Norman se tipprovdi stabbiltà u attenzjoni strateġiku għan-Negozju tal-Ikel issa li hu kkwotat għalih.
Fil-kummenti tiegħu dwar dawn il-ħatriet ġodda, il-Bord qal li: “Dawn id-deċiżjonijiet jirriflettu l-impenn tagħna lejn kontinwità strateġika u tkabbir fit-tul. L-esperjenza ta’ Michael Farrugia u l-għarfien profond tiegħu tal-operat tal-kumpanija jqegħduh f’pożizzjoni ideali biex imexxi lil Farsons fil-kapitlu li jmiss, filwaqt li t-tkomplija tal-ħidma ta’ Norman Aquilina fit-tmexxija ta’ Quinco Holdings p.l.c. tiżgura governanza soda u l-valur kollu possibbli għall-partijiet kollha interessati.”
Fil-kumment tiegħu dwar il-ħatra, Michael Farrugia qal li: “Huwa unur li ġejt fdat b’din il-kariga. Se nara li nkomplu nibnu fuq il-wirt kbir tagħna, u ħerqan għall-kapitlu li ġej ħalli nkomplu nsaħħu l-marki tagħna f’pajjiżna, inkomplu ninvestu fl-eċċellenza operattiva u fl-esperjenza tal-klijenti, u nibqgħu nkattru l-espansjoni tagħna fis-suq internazzjonali.”