Friday, May 17, 2024

Farsons tħabbar profitt ta’ €12.2 miljun fl-aħħar sena li ntemmet f’Jannar 2022

Farsons reżiljenti u tirrapporta li qed tirkupra

Aqra wkoll

Simonds Farsons Cisk plc ħabbret ir-riżultati finanzjarji tagħha għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Jannar 2022 u rrappurtat profitt qabel it-taxxa ta’ €12.2 miljun, li jirrifletti żieda ta’ €7.7 miljuni mis-sena ta’ qabel. Id-dħul tal-Grupp kien ta’ €91.8 miljun, żieda ta’ 26% meta mqabbel mat-€73.0 miljun tas-sena li għaddiet. Id-dħul kien irkuprat u ġie rreġistrat fit-taqsimiet kollha tan-negozju tal-Grupp.

Il-qligħ qabel l-interessi, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzazzjoni (EBITDA) reġa’ lura għal-livelli ta’ qabel il-Covid u kien ta’ €22.7 miljun meta mqabbel mal-€14.9 miljun matul is-sena ta’ qabel. Is-self nett tal-Grupp ammonta għal €10.3 miljuni, jiġifieri tnaqqis ta’ €8.3 miljuni mis-sena ta’ qabel. Il-proporzjon ta’ dejn u ekwità għal matul din is-sena finanzjarja kien ta’ 12.6% filwaqt li s-sena ta’ qabel kien 16.8%. It-tnaqqis fid-dejn ġie bis-saħħa ta’ enfasi akbar fuq il-kollezzjonijiet tan-negozju u l-iskemi ta’ differiment tal-ħlas tal-VAT u t-taxxa li baqgħu fis-seħħ ukoll f’din l-aħħar sena.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Farsons, Norman Aquilina, spjega li: “Din is-sena nistgħu niddeskrivuha bħala sena ta’ reżiljenza u rkupru li matulha ksibna sett riżultati b’saħħithom fi żmien tassew diffiċli.  Dan għamilnieh għax iffukajna aktar fuq l-eżekuzzjoni u żidna l-produttività, adattajna stil proattiv fix-xiri u l-prezzijiet tagħna, u bqajna dixxiplinati fit-trażżin tan-nefqa. Il-Grupp adotta wkoll politika dinamika u selettiva għall-allokazzjoni tar-riżorsi”.

Kompla jgħid li “il-prestazzjoni tagħna matul is-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Jannar 2022 irriaffermat il-portafoll b’saħħtu tal-marka u r-reżiljenza tan-negozju tagħna – in-nies tagħna, l-operat tagħna, is-saħħa finanzjarja tagħna. Filwaqt li din kienet tabilħaqq sena ta’ sfidi, għamlitna negozju iżjed b’saħħtu, imħejji aktar għad-dinja li qed tinbidel b’pass mgħaġġel”.

Is-Sur Aquilina kkonkluda li “għalkemm il-ġejjieni jidher li se jibqa’ diffiċli, id-direzzjoni strateġika tal-Grupp hi li jerġa’ jaqbad it-triq tat-tkabbir” u li l-Grupp jibqa’ “reżiljenti u mgħammar bir-riżorsi u determinat li jkompli jistinka biex jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu għal aktar tkabbir bi profitt, filwaqt li jżomm il-profitt f’bilanċ mal-għanijiet li għandu”.

Fil-kumment tiegħu fuq ir-riżultati tal-Grupp, iċ-Chairman tal-Grupp Farsons, Louis A. Farrugia, qal li: “Wara li tħabatna biex nilqgħu għad-daqqa severa tal-COVID, li ġiet fuqna b’ħasda, issa qed nissieltu mal-isfidi ekonomiċi li ħalliet warajha. Dawn komplew jiħraxu globalment bil-gwerra li faqqgħet bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Il-kunfidenza tan-negozju ħadet daqqa ’l isfel minħabba l-pressjonijiet li qed iġib miegħu l-għoli tal-ħajja u l-ostakli sinifikanti li hemm fil-katini tal-provvista. Minkejja dan, qalbna qawwija minħabba r-reżiljenza li wera n-negozju tagħna fil-mument tal-prova, l-irkupru b’saħħtu li qed jagħmel is-settur tal-bars u l-ħwienet tax-xorb, u ż-żieda fl-għadd ta’ turisti li mistennija jżuruna.”

Is-Sur Farrugia rrefera wkoll għall-investiment ewlieni li qed tagħmel Farsons bir-restawr tal-Birrerija l-Antika tagħha. Dan l-investiment kumulattiv, li s’issa jilħaq l-€14.5 miljun, hu ppjanat li jiftaħ il-faċilitajiet kollha tiegħu matul is-sena li qegħdin fiha. Dan il-proġett industrijali u storiku ta’ żvilupp mill-ġdid se jinkludi esperjenza għal dawk li jżuru l-Birrerija ta’ Farsons, birrerija żgħira, brewpub, bar taċ-Cisk, ristorant, ħanut li jbigħ oġġetti bil-marka tagħna, u postijiet għal avvenimenti varji fuq ġewwa u barra, kemm ta’ negozju u kemm ta’ divertiment. Irrefera wkoll għall-investiment kapitali li għaddejjin bih għall-iżvilupp ta’ aktar franchises internazzjonali tal-ikel, u għat-tnedija ta’ franchise ġdid ta’ Boost Juice Bar li għandha tibda topera f’pajjiżna dalwaqt.

Il-Bord tad-Diretturi hu mħeġġeġ bir-riżultati li kiseb matul is-sena finanzjarja in kwistjoni u fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li jmiss se jirrakkomanda li jiġi ddikjarat dividend finali nett ta’ €4 miljuni għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Jannar 2022. Jekk ikun approvat, jitħallas lill-azzjonisti fl-24 ta’ Ġunju 2022.

Barra minn hekk, u fid-dawl tar-rappreżentazzjonijiet magħmula minn numru ta’ azzjonisti fl-aħħar xhur, il-Bord se jirrakkomanda wkoll it-tqassim ta’ ħruġ ta’ bonus lill-azzjonisti (fuq bażi pro rata) ta’ sehem għal kull 5 ishma miżmuma. Dan il-ħruġ ta’ bonus propost ta’ 6 miljun sehem ta’ €0.30 l-wieħed (imħallsa kollha) se jkun iffinanzjat mill-kapital ta’ €1.8 miljun mill-profitti mfaddla. It-tqassim tal-ħruġ tal-bonus tal-ishma hu suġġett għall-approvazzjoni tal-azzjonisti waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali li jmiss, u d-data tat-tqassim titħabbar wara l-istess Laqgħa.

Il-Grupp Farsons se jorganizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tiegħu b’mod elettroniku fit-23 ta’ Ġunju 2022.

Sport