Sunday, November 24, 2024

Fastidju sesswali rampanti fl-iskejjel tar-Renju Unit

Aqra wkoll

Il-fastidju sesswali fir-Renju Unit qed isir aktar rampanti u saħansitra huwa mifrux anki fl-iskejjel. Kwart tal-għalliema fi skola sekondarja rrappurtaw li ffaċċjaw fastidju sesswali u linġwaġġ abużiv fil-post tax-xogħol tagħhom.

Stħarriġ ta’ appoġġ prinċipalment għan-nisa, sab li wħud mill-għalliema lmentaw dwar kummenti sesswali mhux xierqa u fastidju fiżiku minn studenti ġuvintur u xi kollegi rġiel.

Waħda minn kull 10 mill-istaff tal-iskola sekondarja li wieġbu għall-istħarriġ qalu li kienu attakkati sesswalment, filwaqt li kwart qalu li raw b’għajejhom fastidju sesswali fil-post tax-xogħol tagħhom f’dawn l-aħħar ħames snin. Fost l-istaff fl-istadji kollha tal-iskola, 7% kienu sofrew fastidju sesswali.

F’inċident wieħed, assistenta għalliema femminili ta’ appoġġ għat-tagħlim fl-iskola f’Hertfordshire iddeskriviet kif student pprova jbusha u mbottalha rasha lejn il-koxox tiegħu. Oħrajn li wieġbu għall-istħarriġ ddeskrivew studenti rġiel jippruvaw imissu partijiet intimi tal-ġisem tal-għalliema.

Assistent għalliema fi skola primarja f’Wales qalet li tlett studenti subien tal 5 sena ppruvaw jimbarazzawha billi għaddewlha kummenti dwar  il-warrani tagħha. 

Iktar spiss, il-fastidju qed ikun dirett minn studenti rġiel lejn studenti nisa tal-klassi. Waħda mill-assistenti tat-tagħlim fil-Lbiċ iddeskriviet sitwazzjoni ta’ subien jimbuttaw lill-bniet u jżommuhom bil-forza biex ibushom, jilagħbu logħob imsejjaħ ‘rape touch’, u jikkummentaw fuq iġsma tal-bniet.

Inċidenti oħra kienu jinvolvu għalliema irġiel, inklużi  kapijiet tal-iskola, li jġibu ruħhom b’mod mhux xieraq lejn kollegi nisa. Parteċipanta fl-istħarriġ qalet li l-Kap tal-iskola bagħat sms lil membru ieħor tal-istaff u qalilha li jrid jara ritratti ta’ kif sejra l-operazzjoni tagħha għat-titjib tas-sider.

Tnejn minn kull ħamsa (42%) li raw inċidenti abbużivi qalu li ma rrappurtawhomx għax ħassew li kien inutli.

L-istħarriġ li sar minn Unison, il-unjin tal-impjegti taċ-ċivil f’kollaborazzjoni ma’ UK Feminists, se jżid mat-tħassib li ftit li xejn inbidel minn mindu l-moviment kontra l-istupru ‘Everyone’s Invited’ kixef livelli allarmanti ta’ misoġinija u abbuż sesswali fl-iskejjel fl-2021.

Reviżjoni mill-ispettorat tal-iskejjel, Ofsted, dak iż-żmien ikkonkludiet li l-fastidju sesswali kien sar “normalizzat” għaż-żgħażagħ fl-iskola, online u fi spazji oħra mhux sorveljati inklużi parks u festi fid-dar.

Unison appellat lill-gvern li jmiss biex jiżgura li l-istaff u l-istudenti jkunu protetti minn attitudnijiet, lingwaġġ u mġieba sessisti li jagħmlu ħsara. “L-impjegati jeħtieġ li jkunu jafu kif jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet u li se jittieħdu bis-serjetà meta jirrappurtaw it-tħassib tagħhom”.

Huwa ta’ tħassib għall-ġenituri li jsiru jafu li wliedhom qed jiġu mgħallma f’ambjenti tossiċi bħal dawn qalet is-segretarja ġenerali ta’ Unison, Christina McAnea. “Il-periklu hu li l-lingwa u l-imġieba li tgħallmu minn età żgħira jibqgħu mal-istudenti hekk kif isiru adulti u joħorġu fid-dinja usa’.”

Id-deputat direttur ta’ UK Feminista, Nina Humphries, stqarret li “huwa ta’ tħassib kbir li l-misoġinija hija daqshekk normalizzata fl-iskejjel. Dan ikabbar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u jillimita l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ.”

Il-pubblikazzjoni tas-sejbiet tal-istħarriġ tikkoinċidi mal-bidu tal-konferenza annwali ta’ Unison f’Brighton nhar it-Tlieta. L-istħarriġ sar onlajn bejn l-20 u d-29 ta’ Marzu, u attira tweġibiet ta’ 49% mill-istaff fl-iskejjel primarji, 31% skejjel sekondarj, 9% nurseries, 8% skejjel speċjali, u unitajiet ta’ referenza għall-istudenti.

Sport