Edith Bugeja ta’ 33 sena mill-Belt Valletta ngħatat sentenza sospiża wara li ammettiet li serqet minn ġewwa residenza ta’ mara li kienet qabbditha biex taħslilha.
Hija wieġbet ħatja li nhar il-31 ta’ Diċembru 2021 u fil-jiem ta’ qabel serqet oġġetti minn residenza fi Triq il-Karmnu, il-Belt Valletta.
Qabet ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Nadine Lia kkunsidrat li l-mara ammettiet mill-ewwel għall-akkużi u li għandha kondotta nadifa.
Ġie nnutat ukoll li Bugeja wriet rimors tal-aġir tagħha meta qalet: “jiddispjaċini ta’ li ġara u li ma rritornajtx il-basket mal-ewwel”.
Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni saħqet li Bugeja kkoperat mal-pulizija fl-investigazzjoni madankollu rriżulta li l-oġġetti misruqa mhux kollha ġew ritornati lura lis-sid sal-lum.
Il-Qorti saħqet li: “Dan ir-reat seħħ meta l-imputata kienet taħdem bħala ħassiela fid-dar tal-vittmi. Waqt il-qadi ta’ dan ix-xogħol hija kisret il-fiduċja fdata lilha fir-residenza tal-persuni li kienu ngaġġawha u serqitilhom diversi oġġetti.
“Il-basket li kien misruq illum ġie ritornat u l-kumplament tal-valur totali tal-oġġetti misruqa jammontaw għal €450, li sal-lum dan għadu ma ġiex ikkumpensat lill-vittmi. Ċertament waħda mill-akbar effetti li jinħass f’dan it-tip ta’ reat huwa l-ksur ta’ fiduċja li wieħed ikun afda lil persuna ġewwa daru, li mbagħad spiċċat serqitu.”
Il-Qorti qalet li trid issib il-bilanċ bejn l-aspett riformattiv tal-mara iżda trid issib bilanċ bejn il-gravità tal-każ u l-ħarsien u l-interessi tal-vittmi tar-reat u s-soċjetà inġenerali sabiex tara li dan ir-reat ma jerġax isir kif ukoll tagħti l-ħarsien meħtieġ lill-pubbliku u dan fiċ-ċirkostanzi ta’ kif seħħ il-każ.
Kien għalhekk li l-Qorti filwaqt li sabitha ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħha, ikkundannatha piena ta’ sena priġunerija sospiżi għal sentejn. Il-Qorti ordnat ukoll biex fi żmien sitt xhur tħallas lill-vittma s-somma ta’ €450.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Micallef