Fattiga li serqet ġojjelli mir-residenza ta’ min kien iħaddimha kienet ikkundannata 11-il xahar ħabs.
Shobha Guru ta’ 37 sena mill-Indja kienet arrestata t-Tlieta li għadda, sena wara li dawn l-oġġetti kienu rrapportati nieqsa.
Il-każ kellu l-bidu tiegħu f’Settembru tal-2023, meta l-Pulizija kienu rċevew rapport dwar xi persuni li kienu qed joqogħdu f’residenza abbandunata f’San Ġwann.
L-uffiċjali kienu sabu diversi oġġetti tal-fidda f’dik ir-residenza. Minn aktar investigazzjonijiet, instab min kienu s-sidien ta’ dik il-proprjetà – familja li kienet tgħix f’San Ġiljan u li kienu impjegaw lil Guru bħala l-fattiga tagħhom.
It-tifla tal-koppja kienet ċempel lill-imputata u qaltilha li riedet tkellimha fuq xi oġġetti ta’ valur li kienu neqsin mir-residenza tagħhom. Guru marret fir-residenza u ammettiet li kienet serqet ċurkett u brazzulletta, u rritornathom lura.
Iżda meta l-pulizija kienu marru biex ifittxu lis-suspettata dawn ma rnexxilhomx isibuha sakemm it-Tlieta li għadda kienet arrestata f’San Pawl il-Baħar.
Hija tressqet fil-Qorti l-Erbgħa mixlija b’serq aggravat, li laqgħet għandha ħwejjeġ misruqa u li ma kellhiex dokumenti ta’ residenza validi.
Wara li kkonsultat mal-avukat tal-għajnuna legali tagħha, il-mara ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha u kienet ikkundannata 11-il xahar priġunerija effettiva.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Miryea Mifsud mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Darryl Farr. L-Avukat Yanika Bugeja dehret għall-mara.