Dan l-aħħar smajna ħafna dwar il-bżonn ta’ diskussjoni biex it-tfal ikollhom aktar ħin ta’ kwalità billi fost oħrajn ikollhom inqas HW jew inkella jieħdu sehem f’aktar attivitajiet extra kurrikulari jew sportivi. Miżuri f’dan ir-rigward kienu wkoll mwiegħda fil-manifest elettorali tal-Prtit Laburista ‘Malta Flimkien’.
Fil-fatt, miżura 219 tgħid hekk: “It-tfal għandhom iqattgħu iktar ħin ta‘ kwalità mal-familja. Jekk ninsew it-tifsira tat-tfulija u din x’tirrappreżenta nkunu qegħdin nonqsu lilhom u lill-ġenerazzjonijiet futuri. Ser intellgħu d-diskussjoni li diġà bdiet dwar il-homework u l-ħin liberu tat-tfal fuq livell nazzjonali. Irridu nimxu lejn sistema edukattiva mingħajr il-bżonn tal-homework.”
Għalhekk, fil-fehma tagħna, nemmnu li wasal iż-żmien li din id-diskussjoni issa tgħaddi għall-fażi li jmiss. Naturalment, wieħed għandu jqis ir-realtajiet differenti tal-familji. Kien hemm min ukoll saħansitra min issuġġerixxa li jekk ikun hemm bżonn li jsir xi xogħol wara l-ħin tal-iskola, isir l-iskola stess taħt superviżjoni.
Sadanittant, fil-manifest kien ġie mwiegħed ukoll li l-Gvern se jsaħħaħ il-logħob bejn l-iskejjel u li jittejbu l-benesseri tal-istudenti permezz ta’ attivitajiet sportivi strutturali u kompetizzjonijiet.
Din il-miżura kienet imsaħħa wkoll bl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030, li għandha bażi soda mibnija fuq il-benesseri tal-persuna u tenfasizza żieda fil-ħin ta’ kwalità tal-attività fiżika fl-edukazzjoni obbligatorja.
Huwa ta’ sodisfazzjon li tara li bħalissa hemm ħames kulleġġi b’aktar minn ħames mitt klassi fi proġett pilota biex jiżdied il-ħin li l-istudenti jagħmlu f’attivitajiet fiżiċi. Dan filwaqt li sa sentejn oħra l-programm se jkun f’kull kulleġġ.
Il-Prim Ministru nnifsu esprima l-ħtieġa li dawn il-lezzjonijiet isiru kuljum għaliex minbarra li t-tfal ikollhom iċ-ċans li jiċċaqilqu kuljum, jiddaħħal il-valur tad-dixxiplina li jgħinhom fl-iżvilupp akkademiku u fl-għażliet personali, fosthom ukoll fejn jidħlu ikel nutrittiv u l-istil ta’ ħajja li jgħixu dawn l-istudenti.
Għalhekk, il-ħtieġa li jittieħdu aktar inizjattivi f’dan ir-rigward huma kruċjali għall-iżvilupp tal-istudenti u għal ħajja aktar sana.