Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli inawgurat ċentru ġdid f’Birkirkara, li ser ikun qiegħed jipprovdi appoġġ kontinwu lill-għaqdiet volontarji.
Dan iċ-ċentru, immexxi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), ser ikompli jibni fuq u jikkonsolida servizzi u opportunitajiet li l-Kunsill ilu jipprovdi għal dawn l-aħħar snin. Dan bil-għan li jgħinu lill-għaqdiet volontarji, partikolarment dawk żgħar u medji li jiddependu minn din it-tip ta’ għajnuna għall-operat tagħhom. It-tnedija ta’ dan iċ-ċentru hija wkoll wegħda elettorali oħra li qed tiġi mwettqa.
Dan iċ-ċentru ser jipprovdi one-stop-shop b’diversi faċilitajiet, fosthom informazzjoni dwar dak kollu disponibbli għall-voluntiera u l-għaqdiet volontarji mill-MCVS u entitajiet pubbliċi oħra li jappoġġjaw is-settur. Dan l-appoġġ ser jinkludi kemm għajnuna fir-reġistrazzjonijiet varji u anki opportunitajiet ta’ fondi u skemi. Dan iċ-ċentru ser jipprovdi wkoll żewġ kmamar fejn l-għaqdiet jistgħu jtellgħu laqgħat u attivitajiet oħra tagħhom. Dawn is-servizzi jkomplu jibnu fuq ċentri oħra simili li bħalissa l-MCVS għandha fil-Belt Valletta, r-Rabat (Malta) u x-Xewkija (Għawdex).
“L-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-Ċentru ġdid mhux biss tfisser it-twettiq ta’ wegħda elettorali oħra fir-rigward tas-settur tal-volontarjat, imma turi l-apprezzament tagħna għal ħidmet dan is-settur. Settur li għandna għaliex inkunu kburin bih, settur li ta kontribut kbir biex titkattar ħidmietna, għax wara kollox is-settur tal-volontarjat, fid-diversità ta’ ħidmietu, huwa mutur soċjo-ekonomiku komunitarju,” qalet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.
Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li permezz ta’ ċentru bħal dan, taħt id-direzzjoni tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, se tkun qed tisseddaq l-għajnuna mistħoqqa governattiva lill-għaqdiet volontarji biex titkattar ħidmiethom b’risq is-settur partikolari li jkunu qegħdin jaħdmu fih. “Aktar ma tkun faċilitata ħidmiethom aktar se jkunu qegħdin jikkontribwixxu lill-komunità li jgħixu fiha,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.