F’demokrazija sana u attivi il-fehma tal-partit fl-oppożizzjoni parlamentari tkun mismugħa. Dan hekk għaliex l-opożizzjoni għandha rwol kostituzzjonali x’taqdi. Iżda l-oppożizzjoni, f’dan il-kuntest, hija minnha nnifisha l-minoranza u għalhekk minkejja kull rispett lejha u lejn il-fehma tagħha ma tistax u m’għandiex dritt tiddetta u timponi dak li trid hi fuq il-maġġoranza. Għaliex jekk jiġri hekk tkun qed issir farsa mid-demokrazija.
Huwa kontra kull diċenza politika li l-oppożizzjoni, speċjalment meta tkun f’minoranza kbira u assoluta, tipppretendi li tiddetta u jekk ma tgħaddix tagħha tipprova tkisser u timmina dak kollu li huwa meħtieġ isir fl-interess tal-pajjiż. Ma tistax tagħmel bħat-tfal żgħar li jekk ma jingħatawx dak li jridu jibdew isabbtu saqajhom.
Jidher ċar iżda li l-Partit Nazzjonalista fl-oppożizzjoni adotta din l-istraġeija falza illi jittanta jimponi fuq il-maġġoranza dak li jrid hu, u hu biss. Dan rajnieħ iseħħ f’dawn l-aħħar ġranet fil-każ tal-ħatra tal-Ombudsman u tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Issa għadda żmien biżżejjed biex il-Partit Nazzjonalista jagħraf u jaċċetta li huwa m’għadux fit-tmexxija tal-pajjiż. Għadda żmien biżżejjed ukoll biex jibda jagħraf u jaċċetta li sas-26 ta’ Marzu li għadda kien hemm kważi 40,000 tal-Maltin li ċaħduħ u li jekk jibqa sejjer hekk se jkun hemm iktar Maltin li jitbiegħdu minnu.
Għax minkejja l-uċuħ ġodda li għandu fil-parlament, u anki minkejja li mill-2013 ‘il hawn bidel erba’ kapijiet, il-PN għadu l-istess, ‘more of the same’, għax jidher biċ-ċar li baqa’ ma ħax it-tagħlimiet taż-żewġ elezzjonijiet ġenerali li għaddew.
Għalhekk nistqarru li l-PN għandu bżonn lezzjonijiet profondi fid-demokrazija. Għandu bżonn mhux biss jifhem imma wkoll jaċċetta li r-regola bażika tad-demokrazija hija l-prinċipju li jfisser li s-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet tappartjeni lil min ikun igawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-poplu. Fil-politika, ir-regola tal-maġġoranza hija r-regola tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Għalhekk nemmnu li l-Prim Ministru għandu kull raġun, dritt u obbligu li jassigura li f’każ li jibqa’ ma jintlaħaqx ftehim mal-oppożizzjoni fuq il-mili taż-żewġ istitużżjonijiet importanti u kruċjali fil-pajjiż, bħalma hu l-Omnbudsman u l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, jieħu dawk il-miżuri kollha sabiex tittieħed id-deċiżjoni meħtieġa biex iż-żewġ istitużżjonijiet imsemmija jintlew u jibdew jiffunzjonaw kif xieraq.
Nifhmu li l-Prim Ministru ma setax iħalli li l-ħatriet ma jsirux għax l-oppożizzjoni forsi tkun qed timpika fuq min għandu jingħażel jew ma jingħażilx. Il-loiġika tiddetta illi l-konsultazzjoni tfisser li l-Gvern jinforma lill-Oppożizzjoni b’li jkun se jagħmel u kemm il-darba ż-żewġ naħat ma jaslux fi qbil bejiethoim, il-gvern m’għandux joiqgħod b’idu fuq żaqqu imma għandu jibqa għaddej u jiddeċiedi hu fl-aħjar interess tal-pajjiz.
Nemmnu bis-sħiħ li hekk titlob id-demokrazija u hekk tesiġi li għandu jsir.