Wednesday, May 14, 2025

Feature speċjali dwar ‘Giuseppe Calì fil-Furjana’ f’ħarġa ġdida ta’ ‘IL-FURJANA’

Aqra wkoll

Kienet ippubblikata l-ewwel ħarġa għal din is-sena tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’. Bħalma jsir kull sena, din l-ewwel ħarġa tkun ippubblikata meta tkun qed toqrob il-festa parrokkjali tal-Furjana li din is-sena se tkun iċċelebrata fl-ewwel Ħadd tax-xahar ta’ Mejju, l-4 tax-xahar.

Din is-sena, l-festa tal-patrun tal-Furjana u wieħed mill-Ko-Patruni ta’ Malta, San Publju, se tkun waħda speċjali għaliex l-2025 hi sena ċentinarja Publjana għax matulha qed jitfakkar id-dsatax-il ċentinarju (1,900) minn meta l-Ewwel Isqof ta’ Malta kien ingħata l-martirju f’Atene l-Greċja.

Ma jistax jonqos li f’din il-ħarġa tal-gazzetta Furjaniża wieħed isib tagħrif estensiv konness mal-attivitajiet li saru diġà jew li se jsiru fil-jiem tal-festa titulari b’rabta ma’ dan l-anniversarju.

L-attivitajiet imsemmija kienu jinkludu l-ftuħ uffiċjali tas-sena ċentinarja min-Nunzja Apostoliku għal Malta Monsinjur Savio Hon Tai-Fai S.D.B.,  t-tnedija ta’ logo partikolari li sar minn Jake Muscat, u innu speċjali lil San Publju miktub minn Paul Ellul u mużika ta’ Mro. Ray Sciberras.

‘IL-FURJANA’ f’din il-ħarġa tat merħba lill-mistieden barrani għall-festa ta’ San Publju, il-Primat tal-Knisja Kattolika tal-Irlanda Kollha u Arċisqof ta’ Armagh, Monsinjur Eamon Martin. Din se tkun it-tieni żjara ta’ dan l-Arċisqof Irlandiż fil-Furjana.

L-ewwel żjara – li kienet saret fuq stedina tal-Arċipriet tal-Furjana l-Kanonku Charles Cini u bil-koperazzjoni tal-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Irlanda Giovanni Buttigieg li hu residenti l-Furjana – kienet saret fit-3 ta’ Diċembru tal-2023 meta l-Primat Irlandiż kien Malta biex jattendi laqgħa tal-kapijiet tal-Konferenzi Episkopali Ewropej.

Dakinhar, l-Arċisqof Martin kien iddawwar mal-Furjana u kien mistieden għall-ikel fil-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Vilhena. Filgħaxija imbagħad qaddes fil-Knisja ta’ San Publju. Kien f’dik l-okkażjoni li ssemmiet għall-ewwel darba l-possibbiltà li l-Primat Irlandiż jieħu sehem xi darba fil-festa ta’ San Publju, dejjem skont kemm jippermettu l-impenji tiegħu. Possibbiltà li se ssir realtà din is-sena.

Fl-ewwel faċċata ta’ din il-ħarġa li hi tradizzjonalment imsejħa bħala ‘l-ħarġa tal-festa’, minbarra ritratt tal-Arċisqof Eamon Martin, hemm ritratt ieħor li juri pittura magħmula mill-magħruf artist Giuseppe Calì. Pittura li turi lil San Publju għarkubtejh quddiem il-Madonna b’Ġesù Bambin f’idejha. Din il-pittura oriġinarjament kienet fl-Oratorju ta’ San Publju u bħalissa tinsab fis-sagristija tal-knisja parrokkjali sakemm jitlesta r-restawr tal-istess oratorju.

Din il-pittura, minbarra r-rabta mal-festa parrokkjali, hi wkoll riklam għall-feature speċjali li wieħed isib fil-paġni ta’ ġewwa ta’ din il-ħarġa bit-titlu ‘Giuseppe Calì fil-Furjana’. Calì, li din is-sena tfakkar il-95 anniversarju mill-mewt tiegħu, kien għamel żmien jgħix fil-Furjana u telaq biss wara l-mewt ta’ martu.

Il-feature, minbarra tagħrif dwar ħajjet l-artist, jinkludi diversi ritratti ta’ xogħolijiet li Caì li wieħed għadu jsib fil-Furjana jew sfortunatament intilfu fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Fil-ħarġa t’April tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’, wieħed isib ukoll il-Paġna tal-Kunsill Lokali, artiklu miktub mill-Arċipriet, u tagħrif dwar proġetti li saru fil-knisja parrokkjali Furjaniża.

Min jixtieq jakkwista kopja tal-ħarġa ta’ April tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494,  jew jikteb fuq l-indirizzi elettroniċi sanpublju@gmail.com jew annofre@gmail.com. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.

L-istess dettalji jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jabbona fil-gazzetta għal ħames ewro biss fis-sena, inkella jixtieq jakkwista xi kopja ta’ xi ħarġiet imgħoddija tal-gazzetta.

Bl-istess mod wieħed ukoll jista’ jakkwista kopja tal-ktieb dwar il-Furjana, bit-titlu ‘Floriana & il-Furjaniżi – A Tri-Centenary Commemoration’ li l-gazzetta ppubblikat is-sena li għaddiet fl-okkażjoni tat-300 sena mit-twaqqif tal-belt tal-Furjana.

Ild-Direzzjoni tal-gazzetta tixtieq ukoll tinforma li għad fadlilha wkoll għall-bejgħ numru żgħir ta’ kopji tal-kotba li ppubblikat fis-snin li għaddew dwar il-Knisja ta’ San Publju u dwar l-Ark Trijonfali ta’ San Publju. Min jixtieq jakkwista kopja jista’ jagħmel kuntatt bil-mod imsemmi hawn fuq.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport