Saturday, December 21, 2024

Federated Mills b’investiment ta’ €14.4 miljun f’binja ġdida f’Raħal Ġdid

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €14.4 miljun, il-kumpanija Federated Mills se tkun qiegħda tkabbar l-operat tagħha permezz ta’ binja ġdida f’Raħal Ġdid. 

B’dan l-investiment, il-kumpanija se żżid aktar il-kapaċità fl-imħażen tagħha stess u se tkun mgħammra b’teknoloġija minn tal-aħħar bi proċessi ta’ produzzjoni aktar effiċjenti fejn tidħol l-enerġija. 

Din il-kumpanija ilha topera f’pajjiżna sa mill-1994 u l-ikbar klijenti tagħha huma dawk li jimmanifatturaw prodotti tal-ikel, ħelu ħobż. Illum il-kumpanija timpjega 35 ħaddiem.

Iċ-Ċerpersin ta’ Federated Mills Rachel Stillon qalet li l-kumpanija għarfet li waslet f’punt fejn teħtieġ ittejjeb il-faċilitajiet tagħha biex iżżomm ruħha aġġornata mal-aħħar teknoloġija fil-produzzjoni tad-dqiq filwaqt li żżomm mal-istandards tagħha li tirrikjedi l-industrija. 

“Din l-espansjoni se tagħtina l-opportunità li nżidu l-varjazzjoni tat-tipi ta’ dqiq li nipproduċu u nippreżentaw aktar prodotti lis-suq sabiex jikkumplimenta x-xejriet ġodda li qed jieħu s-suq tal-ikel,” qalet Stillon. 

Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli filwaqt li esperimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan l-investiment, qalet li dawn huma proġetti importanti li jagħmlu qabża fil-livell u fil-kwalità tal-prodotti li jipprovdu. Qalet li dan l-investiment se jkun kruċjali biex Federated Mills timmodernizza l-proċessi tagħha u ssaħħaħ il-kompetittività tagħha f’dan is-suq.

“Il-futur tal-intrapriża Maltija qiegħed fil-qabża fil-kwalità li ssir f’dak kollu li nagħmlu għaliex irrid nassiguraw li l-kumpaniji Maltin ikunu jridu jippożizzjonaw il-prodotti tagħhom fuq livell għola minn dak li konna mdorrijin bihom fil-passat. Dan l-investiment dirett fl-industrija tad-dqiq se jkollu impatt importanti li jolqot b’mod pożittiv lil bosta operaturi ekonomiċi Maltin fosthom il-furnara tagħha, lill-bdiewa u r-raħħala u l-konsumatur Malti,” qalet il-Ministru Dalli. 

Hija tenniet ukoll li investiment bħal dan huwa importanti anke mill-aspett ambjentali fejn bl-għajnuna tal-Malta Enterprise se jkun modernizzat il-makkinarju antik għal wieħed ħafna aktar effiċjenti u sostenibbli.

Ekonomija

Sport