Il-komunità internazzjonali ħadet nifs qawwi bil-ftehim milħuq għall-waqfien mill-ġlied fil-Lvant Nofsani bejn l-Iżrael u l-Hamas. Dan il-ftehim, li għandu jidħol fis-seħħ nhar il-Ħadd li ġej, mistenni jwassal ukoll għall-ħelsien tal-ostaġġi u jimmarka t-tmiem tal-qtil ta’ nies innoċenti li kien ilu għaddej 15-il xahar. Wieħed issa jittama illi l-partijiet kollha involuti jimplimentaw il-ftehim b’mod sħiħ.
Dan il-ftehim għal waqfien mill-ġlied huwa bla dubju rebħa għad-diplomazija b’mertu tal-Istati Uniti, l-Eġittu u l-Qatar. Huwa prova wkoll li fejn hemm ir-rieda ġenwina jkun hemm ukoll it-tama għal paċi. Għalhekk nawguraw li dan il-ftehim ikun l-ewwel pass lejn paċi dejjiema fir-reġjun.
Fil-kuntest lokali, dan l-iżvilupp huwa ta’ sodisfazzjon għal pajjiżna li ilu jħambaq fuq il-ħtieġa mhux biss għal waqfien immedjat mill-ġlied imma wkoll għall-ħelsien tal-ostaġġi kollha u għat-twassil bla xkiel tal-għajnuna umanitarja lill-poplu ċivili Palestinjan li ilu vittma ta’ dan il-kunflitt għal kważi seklu sħiħ.
Minnu wkoll joħroġ l-għarfien illi ma jistax ikun hawn il-paċi fl-Ewropa jekk qabel kollox ma ssaltanx il-paċi fir-reġjun tl-Mediterran, politika li Malta ilha timbotta ‘l quddiem fil-fora multilaterali sa mis-snin sebgħin.
Inħossuna konvinti wkoll li pajjiżna se jkompli jaħdem u jistinka, kif ilu jagħmel anki fil-Kunsill tas-Sigurta tal-Ġnus magħquda, biex ikun hemm soluzzjoni aħħari, dik imsejsa fuq il-kunċett ta’ żewġ stati sovrani, l-Iżrael u l-Palestina, li jkunu siguri fit-territorju tagħhom u li jgħixu biswit xulxin fil-paċi u l-progress.
Aħna konvinti wkoll li kif qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, Malta se tibqa’ kommessa li tagħmel dak kollu possibbli biex jissaħħaħ id-djalogu u tkompli tappoġġja diplomazija effettiva favur il-paċi u s-soluzzjonijiet għal kunflitti mhux biss dawk ta’ madwarna imma wkoll dawk lil hinn.
Nittamaw ukoll li l-iżvilupp għal waqfien mill-ġlied fil-Gaża jservi ta’ mera wkoll biex jieqaf il-ġlied u tinġieb fi tmiemha l-gwerra fl-Ukrajna wkoll. Dan ukoll għax id-dinja llum qed tagħraf aktar minn qabel li ebda nazzjon m’għandu dritt jgħaffeġ u jivvjola s-sovranità ta’ xi nazzjon ieħor.