Sunday, November 24, 2024

“Fejn hemm l-inġustizzja nkomplu nġibu l-ġustizzja”

Il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza laqgħa politika fir-Rabat Malta dalgħodu

Aqra wkoll

Fejn hemm l-inġustizzji nkomplu naħdmu biex ssir ġustizzja u ħadd fis-soċjeta ma’ jaqa’ lura. Hemm stqarr il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt li kien qed jindirizza attivita politika fir-Rabat Malta.

Kien hawn li l-Prim Ministru semma s-settur li l-Partit Laburista fil-Gvern ħadem ħafna għalih li hu dak tal-persuni b’diżabilita. Hu qal li sa ħames snin ilu għal kull persuna b’diżabilita tirreġistra għax-xogħol kien hawn erbgħa jaħdmu. “Illum għal kull persuna b’diżabilita’ tirreġistra għax-xogħol, hawn kważi għoxrin persuna b’diżabilita’ jaħdmu.”

Il-Prim Ministru Abela qal li dan hu riżultat ta’ meta jkollok il-kuraġġ li tidħol għar-riformi u twettaqhom. Sostna li dan il-gvern għandu ħafna iktar riformi xi jwettaq. Tkellem dwar il-konsultazzjoni pubblika fir-riforma fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet u r-rinbiji. Dr Abela qal li din se tkun waħda mill-akbar riformi fil-kamp tal-ġustizzja li qatt se jkunu saru. Riforma maħsuba biex tibda tnaqqas id-dewmien żejjed.

Il-kelliem qal li d-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista hi li filwaqt li l-Gvern iressaq riformi f’saħħithom fil-Parlament, il-partit fl-Oppożizzjoni minflok jiddiskuti jitlaq ‘il barra mill-kamra għax ma tkunx għaddiet tiegħu.

Waqt li tkellem dwar ix-xogħol b’rabta mal-1 ta’ Mejju fejn il-Partit Laburista se jkun qed jorganizza mass meeting il-Belt Valletta, il-Prim Ministru qal li “r-riżultati tiksibhom billi quddiem l-isfidi tkun hemm mal-ħaddiema u man-negozji. U x’inhuma l-ikbar riżultati li qed niksbu? Ix-xogħol fuq quddiem nett. Ix-xogħol li jfisser opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ u l-familji Għawdxin u Maltin.”

Hu esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għal diversi laqgħat li kellu matul din il-ġimgħa ma’ ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol. Sostna li sabiħ meta tisma stejjer ta’ min beda jaħdmu fl-inqas livelli ta’ fabbrika u bqa’ tiela’ biex illum sar maniġer. “Dak hu l-ħolm li rridu nagħmlu realtà. Din hi l-mobbilta soċjali li nemmnu fiha. Dawk huma l-karrieri li nitkellmu dwarhom. Għalhekk m’għandna qatt nieqfu naħdmu biex noħolqu l-opportunitajiet ġodda,” sostna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-enerġija u kif dan il-Gvern qed jgħin lill-familji Maltin u Għawdxin billi jissusidja l-kontijiet tad-dawl. Hu sostna li din l-għajnuna qed tgħin biex l-investituri jibqgħu għaddejjin mingħajr skossi. Semma kif pajjiżi oħrajn minħabba l-prezzijiet tal-enerġija qed jagħlqu l-fabbriki u hawn

Malta minflok qed jiġri hekk qed jaraw kif se jikbru u jżidu l-investiment.
F’dan il-waqt il-Prim Ministru staqsa għaliex għal darb’oħra l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tibqa’ tinsisti li dan is-sussidju għandu jieqaf?

“Jien se niddikjara hawn. Aħna nemmnu li fejn jidħol il-prezz tal-enerġija, id-dawl u l-ilma għandna nibqgħu ngħinu lill-familji u n-negozji. U jekk temmnu f’dan fl-1 ta’ Mejju, ingħaqdu magħna fil-Belt Valletta ħa nibagħtu messaġġ qawwi favur l-għajnuna lin-nies. Messaġġ qawwi li l-Gvern għandu jkun ta’ spalla għall-ħaddiema u n-negozji u mhux jitfa’ fuqhom il-piż kif għamlet u trid tagħmel l-Oppożizzjoni. Mhux mument li nistrieħu, għax dak li ksibna flimkien għall-familji għawdxin u Maltin, hawn min lest iħottu,” kompla jgħid il-Mexxej Laburista Robert Abela.

Il-Prim Ministru quddiem udejnza numeruża elenka diversi kisbiet li saru mill-Gvern Laburista biex il-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar. Semma diversi miżuri li ddaħlu biex il-familji Maltin u Għawdxin jkollhom ħajja aħjar.

Il-Prim Ministru temm b’appell biex fl-ewwel ta’ Mejju, dawk kollha ta’ rieda tajba għandhom jingħaqdu mal-Partit Laburista fil-Belt Valletta.

“Nhar l-ewwel ta’ Mejju lkoll għandna ċans biex nuru fejn tħabbat il-qalb ta’ dawk ta’ rieda tajba. Il-qalb tal-ħaddiema. Il-qalb ta’ min iħaddem. Il-qalb tal-pensjonant. Ejjew nibqgħu lkoll magħqudin ħalli l-elf proposta ta’ Malta Flimkien jibqgħu jsiru elf kisba ta’ dan il-poplu tagħna. Żbalji għamilna imma qalbna tafu fejn qiegħda. Qiegħda magħkom. Għax aħna il-Gvern tagħkom. Il-Gvern tan-nies.Magħna taf fejn qiegħed,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Sport