Wara li konna ilna nisimgħu dikjarazzjoni u anke kien hemm passi biex l-Unjoni Ewropea żżid in-nefqa fuq id-difiża u l-armamenti, dan anke flimkien ma’ dikjarazzjonijiet tal-bżonn ta’ armata Ewropea, fl-aħħar sigħat rajna id-deċiżjoni li l-Unjoni Ewropea se tkun qed tiddedika €800 biljun biex tarma lilha nfisha u ssaħħaħ id-difiża. Dikjarazzjoni li tistona bil-kbir mal-għanijiet li għalihom proprja twaqqfet l-Unjoni Ewropea, dak li ma ssirx oħra fl-Ewropa.
Illum imma qegħdin naraw Unjoni Ewropea titkellem fuq li tarma lilha nfisha. Qed titkellem fuq żieda qawwija fl-armamenti. Żieda fis-suldati. Rajniha ukoll tindaħal xhur ilu b’mod indirett fil-kunflitt Ukren u dań billi tissupplixxi armamenti u għajnuna oħra.
U jekk wieħed janalizza id-diskors li saru, ħlief fuq armi u militar ma smajniex mill-mexxejja Ewropej. U dan bilfors iwasslek biex tistaqsi x’ġara mill-kelma paċi. Kelma li donnu għal mexxejja Ewropej telqet mill-vokabolarju b’mod partikolari mill-vokabolarju tal-President tal-kummissjoni Ewrope Ursola von der Leyen.
Quddiej din id-deċiżjoni li l-ammont massiċċ ta’ €800 biljun jintuża biex jarma militarment lill-Unjoni Ewropea, ma nistgħux ma nistaqsux meta id-dinja se titgħallem li f’kull kunflitt li jsir m’hemm ebda rebbieħ. Possibbli wara dak li ġara 85 sena ilu u fi gwerer oħra l-Ewropa baqgħet ma tgħallmitx li mill-gwerer m’hemmx rebbieħa.
Fi gwerra l-ebda nazzjon mhu se jirbaħ iżda hemm telliefa biss. Igawdu biss mill-kunflitt, dawk li jimmanifatturaw l-armi. Il-kunflitti iġibu telf ta’ ħajjiet innoċenti. Tkissir ta’ infrastruttura li imbagħad huma l-istess popli li jridu jerġgħu jibnuhom mit-taxxi tagħhom stess.
Il-mistoqsija tagħna hi sempliċi ħafna. Meta l-mexxejja se jkollhom aġenda ċar favur il-paċi? Aġenda li mhux tara lil min se taġevola jew lil min se titfa’ lura. Aġenda li l-għan tagħha tkun li fid-dinja verament tinħoloq il-paċi. Aġenda li fiha ma jkunx hemm min ikollu interessi ulterjuri biex kunflitt jew ieħor jibqa’ għaddej. Aġenda li fiha ma narawx min jistaħba wara xi paraventu, bl-interess tiegħu ikun li kunflitt partikolari jibqa’ għaddej.
Qegħdin naraw Nazzjonijiet Uniti ineffettiva. Nazzjonijiet Uniti li mhux jirnexxielha iġġib iż-żewġ partijiet flimkien. Ma rnexxielhomx iwaqqfu il-ġlied biex għallinqas ipoġġu madwar mejda u tinstab soluzzjoni. M’hemm ebda dubju li l-kunflitt li hawn bħalissa juru ħaġa waħda ċara – il-falliment għan-Nazzjonijiet Uniti li tintervjenti biex iġġib il-paċi.
Fejn huma l-politiċi ta’ stoffa li fejn ikun hemm gwerra kont issibhom fuq quddiem biex jintermedjaw u jġibu l-paċi. Sa issa qegħdin nibqgħu naraw laqgħat, diskussjonijiet u dikjarazzjonijiet fiergħa.
U ma tistax ma tikkummentax li quddiem il-mod kif jaħsbu u jagixxu burokratiċi u poltiċi Ewropej, ftit li xejn hemm tama li tinstab il-paċi sakemm dawn jibqgħu f’pożizzjoni influwenti.
Kif jista’ jkun hemm is-sigurtà fl-Ewropa b’persuna bħal Ursula von der Leyen. Ma nistgħux ninsew li kien proprju sentejn ilu metą l-istess von der Leyen kienet iddikjarat li l-Ewropej kienu qed jgħixu taħt l-illużjoni li l-paċi hi xi ħaġa permanenti.
U quddiem dan nistaqsu meta faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna bl-invażjoni Russa, xi strateġija kellha l-Unjoni Ewropea? Ħadmet għall-paċi? Għafset u ppressat biex iż-żewġ naħa jaslu għal ftehim. La kellhom strateġija u llum jidher li hemm biss strateġija waħda. Dik li jibqgħu jingħataw l-armi biex dan il-kunflitt jibqa’ għaddej. Biex l-Ukrajna tibqa’ titkisser. Aktar minn qatt qabel llum fl-Unjoni Ewropea jinħass nuqqas kbir ta’ tmexxija.
Tmexxija li tara għal quddiem. Li taħseb fil-paċi. Kull m’għandhom jagħmlu iċ-ċittadini Ewropej quddiem dak mħabbar mill-Kummissjoni Ewropa fir-rigward ta’ nefqa’ ta’ €800 biljun hu kif dan se jimpatta fuq pajjiżhom. Kif se jimpatta u kif se jaffettwa oqsma bħal dak tas-saħħa, l-enerġija u l-ambjent fost oħrajn.