Vizzju ikrah li forsi nbatu bih aħna l-Maltin huwa dak li biex nimpressjonaw inkunu rridu nkunu minn tal-ewwel li nikkummentaw u aktar iva milli le naqgħu għall-konklużjoni qabel ma nkunu nafu l-fatti eżatti kif ġraw. Ħafna drabi dan iwassal għal iktar taħwid fl-imħuħ tan-nies.
Għaliex qegħdin ngħidu dan? Dan qegħdin ngħiduh speċifikament għall-inċident li seħħ it-Tnejn filgħaxija li fih tilef ħajtu traġikament żagħżugħ ta’ 25 sena, missier ta’ żewġt itfal mill-Imtarfa. Bosta kienu dawk li sfortunatament iddeċidew li jxandru ritratti jew saħansitra filmati fuq il-midja soċjali ta’ kif seħħ l-inċident fatali.
Quddiem dan kollu nistaqsu, fejn hu r-rispett uman? Dan għaliex nemmnu li f’kull inċident, ikun kif ikun u rrelevanti min hi l-persuna, hemm familji li jsofru. Għalhekk filmat bħal dak, anki jekk tneħħa wara ftit ħin, ma kellu qatt jixxandar fuq il-midja soċjali. Dan anke b’rispett lejn il-familjari tal-vittma, li bla dubju jkun għadhom taħt xokk bit-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalihom.
Nirrimarkaw ukoll li kien hemm uħud li ħaduha minn perspettiva differenti. Kien hemm bosta li kkummentaw u qalu li l-filmat li ttella’ tal-inċident kif seħħ jista’ jkun ta’ tagħlima għal bosta żgħażagħ. Però lil hinn minn dan kollu, nisħqu li la l-investigazzjonijiet tal-Pulzija kienu għadhom għaddejjin, għandna nifhmu li ħadd m’għandu jikklummenta u noqogħdu attenti qabel ma naslu għal konklużjonijiet mingħajr ma nkunu infurmati eżatt dwar il-fatti.
Hawnhekk ma nistgħux ma nsemmux l-irwol li għandna aħna bħala ġurnalisti, il-għaliex l-irwol tagħna fis-soċjetà jitqies bħala ta’ importanza kbira sabiex inżommu lil dak li jkun infurmat. Il-ġurnaliżmu huwa r-raba’ pilastru tad-demokrazija u m’għandu qatt jiġi abbużat. Nisimgħu ħafna dwar l-importanza tal-ġurnaliżmu u kif fl-eżerċizzju tal-professjoni, bħala ġurnalisti jixirqilna li ningħataw il-ħarsien u l-libertà li naħdmu.
Biss bħal kull servizz ieħor, l-eżerċizzju tal-ġurnalisti wkoll iġib miegħu responsabbiltajiet obbligi. Il-persuna li kien involut fl-inċident sar kif sar, kellu dinjità bħal kull persuna oħra fid-dinja u għalhekk r-rispett f’kull forma tiegħu għandu jkun dejjem essenzjali fir-rappurtaġġ ġurnalistiku.
Bħala ġurnalisti, għandna nagħmlu xogħolna b’għaqal, b’reqqa u b’responsabbiltà irrelevanti mil-liema qasam soċjali jew politiku ġejjin. Infakkru biss li l-ġurnaliżmu għandu jkun wieħed li jirrispetta u mhux li jibbaża fuq is-sensazzjonaliżmu li jista’ jkun ta’ dannu għal ħafna oħrajn.