Id-Deputat Nazzjonalista David Thake fil-Parlament iddikjara li “kull fejn kien hemm imdaħħal Yorgen Fenech, daħal il-Ministru Michael Farrugia. Meta kien hemm il-kwistjoni tal-highrise fl-Imrieħel, Michael Farrugia kiteb ittra. Meta sar il-qtil ta’ Daphne, Michael Farrugia kien il-Ministru tal-Intern. Kull fejn ikun hemm Yorgen issib lill-Ministru Michael Farrugia”.
David Thake qal li “nsiru nafu issa li 17 Black tagħti self lill-kumpanija fis-Seychelles biex tixtri l-ishma tal-Mozura. Wara ġimagħtejn l-Enemalta iħallsu €10.3 miljun. Imma ħadd m’għandu żejt f’wiċċu hawn.”
Tenna li “l-Partit Laburista għandu storja kbira ta’ kisbiet kbar. Partit li għen liż-żgħir jerfa’ rasu. Illum sar partit li jaħtaf, li jisraq u li jgħatti.”