Tuesday, December 24, 2024

Felix Busuttil jiċħad akkużi ta’ razziżmu

Aqra wkoll

Il-kandidat Laburista Felix Busuttil ċaħad li huwa razzist wara li tella’ ritratt fuq Facebook ta’ grupp ta’ immigranti bilqiegħda ħdejn il-kjosks fid-daħla tal-Belt. Mar-ritratt huwa kiteb il-frażi: “din mhix aċċettabbli fid-daħla tal-Belt Valletta. Lanqas li ma hawnx fejn tpoġġi. Dawn huma punti żgħar imma kbar li forsi jidhru koroh fil-kultura ta’ pajjiżna li hu wkoll tagħhom. Dmir l-awtoritajiet li jindirizzaw il-problema u jekk hemm diffikultajiet isibu soluzzjonijiet ġusti”.

Il-kumment tiegħu kien kritikat minn diversi persuni u anke minn Eritrejani li jmexxu l-profil fuq Facebook Eritrean Migrants li semmew kif dawn huma nies li ġew imkeċċija miċ-ċentru miftuħ li kienu jgħixu fih. Waqt li rrikonoxxew li Malta ma tiflaħx iġġorr waħedha l-piż tal-immigrazzjoni huma rrimarkaw ukoll li dawn l-immigranti qed jittamaw li jibdew ħajja ġdida f’Malta. “Dawn in-nies ma kienux taħt is-siġar biex jintroduċu l-kultura tagħhom … kienu hemm għax tneħħew mir-residenza temporanja … qed jgħaddu l-ħin jistennew li qed jgħixu fost nies li jagħtu kashom”, żied jgħidu l-immigranti dwar il-kollegi tagħhom. Qalb numru ta’ kummenti li akkużawh b’razziżmu, Busuttil ċaħad li ried jinstiga mibgħeda lejhom u sostna li huwa favur integrazzjoni totali u rispett lejn il-kultura tagħna.

“Dak li ktibt ma ktibtux għax għandi xi ħaġa kontra nies ta’ xi kulur. Kont nikteb l-istess li kieku dawk li kienu fid-daħla tal-Belt kienu bjondi bin-nemex”, sostna Busuttil. Huwa nsista li l-awtoritajiet għandhom jindirizzaw din il-kwistjoni u jsibu soluzzjoni waqt li saħaq li min jafu jaf li huwa favur li ngħinu lin-nies fil-bżonn.

Ekonomija

Sport