Tuesday, June 3, 2025

Felix Rizzo … president ħabrieki ta’ Valletta Subbuteo Club

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-table football?

Meta kont għadni żagħżugħ kont naħdem ma’ kumpanija li kienet impurtat għall-ewwel darba il-logħba tat-Table Football (Subbuteo).  Dak iż-żmien fis-sittinijiet, din kienet logħba popolari ħafna fl-Ingilterra, u Malta kien l-ewwel pajjiż fid-dinja fejn bdiet tiġi esportata. F’Malta dil-logħba  qabdet mill-ewwel u jien flimkien ma’ ħbieb tiegħi konna norganizzaw kompetizzjonijiet bejnietna.  Kif konna nilagħbu dawk iż-żminijiet għal kif tintlagħab illum, hemm baħar kbir x’jaqsam, għax illum il-logħba hija ħafna aktar isbaħ, interessanti u kompetittiva.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala president ta’ Valletta SC.

Jiena lħaqt president tal-Valletta Subbuteo Club  fl-istaġun 2011/12, 14-il sena ilu, u l-pedament li ħdimna għalih dak iż-żmien, ħalla l-frott u għadu jħalli l-frott sal-lum. Għandek tkun taf illi hawn Malta għandna livell tajjeb ħafna ta’ plejers, u klabbs barranin kienu kontinwament  jiġru wara plejers Maltin biex jissieħbu magħhom. Allura lokalment il-klabbs kienu qed jiddgħajfu. F’dik l-ewwel sena,
konna ddeċidejna li nġibu lura fil-klabb tagħna tliet plejers kbar Maltin li kienu jilagħbu l-Italja u l-Greġja, jipifieri Derek Conti, Samuel Bartolo u Joseph Borg Bonaci, u flimkien ma’ aktar plejers lokali bħal Mark Gauci, Angelo Borg u Mario Camilleri ddeċidejna li nikkompetu b’serjetá fil-qasam internazzjonali.  Minn dakinhar ma ħarisniex lura u rbaħna 17-il Grand Prix, 11 International Opens, ħames Majors, u Europa Cup. Iċ-Champions League jonqosna! Konna ħafna viċin fl-2022 meta spiċċajna finalisti. F’dawn l-aħħar staġuni irreġistrajna wkoll liż-żagħżugħ promettenti ħafna, Jurgen Balzan.

X’tikkummenta fuq ir-rebħ tal-kampjonat minn Valletta SC matul il-jiem li għaddew?

Dan kien it-13-il kampjonat konsekuttiv mirbuħ minna. B’kollox aħna Champions ta’ Malta għall-20 darba.  L-ebda wieħed minnhom ma kien faċli – imma żgur li ta’ din is-sena kien l-aktar kumbattut, għax klabbs oħra, bħal Attard SC u Bormla SC qed jissaħħu dejjem iżjed. Din hija l-ewwel sena wara ħafna snin, li m’għandniex plejers barranin magħna, u għal dan il-kampjonat użajna plejers Maltin biss! Matul is-snin kellna plejers Ingliżi, Belġjani u Franċiż.

Kif tqis il-livell tat-table football lokali fil-preżent?

Il-livell huwa għoli tassew. Aħna bħala Maltin, ikkunsidrati bħala wieħed mill-aqwa erba’ pajjizi fid-dinja fit-table football. L-Italja, Spanja, aħna u l-Belġju. Fl- 2010 konna wkoll Champions tad-dinja bħala pajjiż.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Bħala Valletta SC m’għandniex klabb fejn niltaqgħu, u l-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu flimkien fid-djar ta’ xulxin.  Li naf huwa li Attard SC għandhom klabb sabiħ ħafna, u l-Valletta Lions jiltaqgħu fis-sala tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Il-logħob kompettitiv fuq skala nazzjonali, huwa organizzat mill-MTFSA, u dawn jieħdu ħsieb is-swali ta’ fejn se jkun se jsir il-logħob.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-table football?

Biex inkun onest, jien nixtieq li nagħmel il-wiesa’ wara das-snin kollha – imma meta nara lil dan il-grupp ta’ plejers li rajthom jikbru minn tfal għal żgħażagħ – nistmahom qishom uliedi, u qed nitħawwad!   Nixtieq nieqaf u ma nixtieqx! Bħala klabb, fiduċjuż li għandna futur, u għall-istaġun li ġej diġá qed naħdmu biex nirreġistraw magħna, ir-rank number 3 fid-dinja, lill-Belġjan Christophe Dheur, u lill-Portugiż Sergio Ramos. Għaċ-Champions League tal-istagun li ġej se nkunu armati mhux ħażin!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fit-table football.

Għal dawk kollha li jkunu jixtiequ jibdew jilagħbu dan l-isport, nissuġġerilhom li jissieħbu ma’ xi klabb, bħal Attard SC, li għandhom il-premises tagħhom, u jiltaqgħu regolari għat-taħriġ, u jidħlu wkoll membri mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali l-MTFSA biex jibdew jilagħbu fil-kampjonat nazzjonali. U jekk ikunu jippromettu, u jkunu iridu jitjiebu – jagħmlu friendlies mal-plejers tal-Valletta Subbuteo Club.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport