Il-fencer Eġizzjana, Nada Hafez, żvelat li għandha seba’ xhur tqala wara li, nhar it-Tnejn, għelbet lill-Amerikana, Elizabeth Tartakovsky, fid-debutt tagħha f’dawn l-Olimpjadi biex kkwalifikat mal-Aħħar 16 fis-Sabre Individwali tan-nisa.
Hafez, 26 sena, għelbet lill-avversarja tagħha 15-13 fil-Grand Palais, iżda lbieraħ kellha tbaxxi rasha quddiem Jeon Hayoung tal-Korea t’Isfel, b’din tal-aħħar toħroġ rebbieħa, 15-7.
L-Eġizzjana, li kienet qed tipparteċipa fl-Olimpjadi għat-tielet darba, dehret emozzjonata hekk kif kisbet din ir-rebħa mpressjonanti u kompliet taqsam l-aħbar notevoli fuq il-midja soċjali.
“Dak li deher għalikom bħala żewġ persuni fil-konfront kontra Tartakovsky, fil-fatt konna tlieta! Jien, l-avversarja tiegħi … u t-tarbija ċkejkna li tinsab fil-ġuf tiegħi li dalwaqt ġejja fid-dinja!” kitbet fuq Instagram.
“Qed nikteb dan il-post għax inħossni kburija li kkwalifikajt għall-Aħħar 16.
“Dawn l-Olimpjadi huma b’differenza minħabba li miegħi qed inġorr l-iżgħar atleta ta’ kull żmien!”