AKTAR DWAR IL-KOMETA MISTERJUŻA 3I/ATLAS
Il-komunità xjentifika internazzjonali bħalissa tefgħet l-attenzjoni kollha tagħha fuq l-hekk ikklassifikata “kometa interstellar” 3I/ATLAS. Dan għax minkejja li n-NASA qiegħda ssostni li din hija kometa, hemm dubji kbar minħabba karatteristiċi li qiegħda turi li mhumiex sinonimi ma’ kometi “normali”. Dan barra li meta t-3I/ATLAS setgħet ġiet osservata sewwa meta kienet viċin il-pjaneta Mars, in-NASA waqqfet it-trasmissjoni diretta u hawn bdew l-ispekulazzjonijiet u l-mistoqsijiet “għala?”.
Issa, f’osservazzjonijiet ġodda mill-James Webb Space Telescope (JWST) flimkien ma’ diversi osservatorji oħra, żvelaw xi ħaġa ġdida. Din l-“kometa” għandha karatteristiċi kimiċi u fiżiċi li qatt ma ġew osservati qabel. Din l-aħħar karatteristika “stramba” qajjmet tħassib globali li t-3I/ATLAS tista’ tkun xi ħaġa oħra, xi ħaġa li skont ma ilu jsostni l-Professur ta’ Havard Avi Loeb u aktar riċenti, numru jikber ta’ xjenzati u osservaturi, tista’ tkun “oġġett intelliġenti”.
Xjenzati fi stat ta’ xokk…
Fil-fatt, skont l-aktar dejta riċenti, 3I/ATLAS qiegħda tirrilaxxa ammonti kbar ta’ nikel (Ni) iżda mingħajr il-preżenza normali ta’ ħadid (Fe), karatteristika li xxokkjat lix-xjenzati. Dan peress li dawn l-elementi, ġeneralment, jinstabu flimkien f’kull tip ta’ kometa magħrufa. L-analiżi spettroskopika turi wkoll polarizzazzjoni negattiva mhux tas-soltu fil-“coma” (is-sħaba tat-trab qisha denb), kif ukoll proporzjon għoli ta’ dijossidu tal-karbonju (CO₂) meta mqabbel mal-ilma (H₂O).
Ix-xjentisti jemmnu li dawn il-karatteristiċi jistgħu jindikaw li 3I/ATLAS oriġinat f’ambjent estremament kiesaħ u mbiegħed minn kwalunkwe stilla magħrufa fejn il-ħadid ma setax jikkondensa jew jibqa’ stabbli. Din is-sejba, deskritta bħala “fenomenu bla preċedent”, tista’ tiftaħ kapitlu ġdid dwar dak li nafu fuq il-formazzjoni ta’ sistemi planetarji u tal-materja interstellari.
NASA U ESA: “Mhiex ta’ theddida għall-pjaneta tagħna”
Għalkemm xi osservazzjonijiet jissuġġerixxu movimenti mhux spjegati bil-gravità biss, bħal dawk ta’ Oumuamua fl-2017, NASA u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) qegħdin jassiguraw li 3I/ATLAS mhiex ta’ theddida għall-pjaneta tagħna.
Il-kometa bħalissa tinsab fi triqtha lejn il-perihelju tagħha, jiġifieri l-punt l-aktar qrib lejn ix-Xemx, u se tibqa’ taħt sorveljanza mill-osservatorji internazzjonali fil-ġimgħat li ġejjin. L-għan hu li tinġabar aktar dejta biex tiġi kkonfermata jew miċħuda kull ipoteżi dwar il-kompożizzjoni mhux tas-soltu tagħha.
Fir-rigward, l-esperta fl-astrokimika fil-proġett JWST Dott. Elena Moravec, qalet li, “din hija waħda mill-aktar skoperti intriganti ta’ dawn l-aħħar snin. Il-kompożizzjoni tan-nikel mingħajr ħadid u l-anomaliji fotometriċi tagħha jindikaw li qegħdin nosservaw xi ħaġa li litteralment ġiet minn dinja oħra.”

