Il-Papa Franġisku fakkar il-41 vittma li għerqu ‘l barra mill-gżira ta’ Lampedusa u wissa dwar l-indifferenza għal dawn l-imwiet regolari ta’ persuni fil-Mediterran. Wara li għamel it-talba tal-Angelus huwa tkellem dwar din l-aħħar traġedja umana u fakkar l-għarqa ta’ 2,000 persuna li mietu f’din is-sena li fosthom kien hemm nisa u tfal.
Quddiem sitwazzjoni deskritra minnu bħala “ferita miftuħa tal-umanità”, il-Papa Franġisku ma waqafx hemm. Huwa indirizza lill-politiċi u lid-diplomatiċi fejn talabhom jagħmlu sforzi, jassistu u jsalvaw l-immigranti bil-għan li jevitaw li jkun hemm aktar traġedji tal-immigranti fil-baħar Mediterran.
2,096. Dan huwa l-ammont ta’ persuni li fis-seba’ xhur ta’ din is-sena għerqu jew mietu fil-baħar Mediterran. Dan l-ammont huwa d-doppju ta’ kemm mietu u għebu s-sena li għaddiet. L-ammont ta’ imwiet u persuni mitlufa din is-sena diġà qabeż it-total kollu li kien hemm għas-sena 2019, 2020, 2021 u jinsab qrib biex jaqbeż it-total tas-sena li għaddiet. L-aktar ammont ta’ persuni li mietu u ntilfu fil-baħar Mediterran fl-aħħar 10 snin kien fis-sena 2016 b’5,136 persuna u wara s-sena 2015 b’4,055 persuna.
X’kien qal il-Papa meta kien f’pajjiżna…
Il-Papa Franġisku, meta ftit aktar minn sena u erba’ xhur ilu kien f’pajjiżna f’laqgħa mal-awtoritajiet u l-Korp Diplomatiku kien tkellem ukoll b’mod ċar dwar l-immigrazzjoni.
Huwa kien iddikjara li, “il-Mediterran għandu bżonn responsabbiltà Ewropea komuni u maqbula biex isir mill-ġdid teatru ta’ solidarjetà u ma jkunx il-fruntiera ta’ nawfraġju traġiku ta’ ċiviltà. Dwar in-nawfraġju, infakkru f’San Pawl li fl-aħħar darba li kien qiegħed jaqsam il-Mediterran wasal fuq dawn ix-xtut bla ħsieb u sab l-għajnuna. Imbagħad wara li gidmitu l-lifgħa, tqies bħala raġel ħażin; ftit wara, iżda, beda jitqies bħala divinità għax ma ġarrab ebda konsegwenza (ara Atti 28:3-6). Bejn l-esaġerazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ estremi kienet qiegħda tinsatar xhieda ewlenija: Pawlu kien raġel, bi ħtieġa li jkun milqugħ”.
Il-Papa kien insista li l-umanità tiġi qabel kollox u tippremja kollox: dan jgħallmu dan il-pajjiż li l-Istorja tiegħu gawdiet mill-miġja ddisprata tal-Appostlu nawfragu. Kien stieden biex “f’isem il-Vanġelu li huwa għex u pprietka, ejjew niftħu beraħ qlubna u niskopru s-sabiħ li taqdi lil min hu fil-bżonn. Meta llum, fil-konfront ta’ dawk li jaqsmu l-Mediterran ifittxu s-salvazzjoni, jiddominaw il-biża’ u “n-narrattiva tal-invażjoni” u l-għan ewlieni donnu jidher li huwa t-tħaris tas-sigurtà proprja jiġri x’jiġri, ejjew ngħinu lil xulxin biex ma nħarsux lejn il-migrant bħala theddida u biex ma nċedux għat-tentazzjoni li nibnu pontijiet li jintrefgħu, jew ħitan. L-ieħor mhuwiex xi virus li għandna niddefendu ruħna minnu, imma persuna li għandna nilqgħuha u l-ideal Nisrani huwa dejjem stedina biex negħlbu kull suspett ta’ fiduċja, il-biża’ li xi ħadd jinvadina, l-atteġġjamenti difensivi li d-dinja tal-lum timponi fuqna” (Eżortazzjoni appostolika Il-ferħ tal-Vanġelu, 88).
Min-naħa tiegħu, il-Papa Franġisku talab biex ma nħallux l-indifferenza titfi l-ħolma li ngħixu flimkien. “Ċertament, li tilqa’ jġib tbatija u jitlob ċaħda. L-istess ġralu San Pawl: biex jeħles mill-għarqa l-ewwel kien meħtieġ li jkun issagrifikat il-ġid kollu li kien hemm fuq il-bastiment (ara Atti 27:38). Imma huma qaddisa ċ-ċaħdiet magħmulin għall-ġid, għall-ħajja tal-bniedem li huwa t-teżor ta’ Alla.”
L-ammont ta’ imwiet u persuni mitlufa din is-sena diġà qabeż it-total kollu li kien hemm għas-sena 2019, 2020, 2021