Fernandinho kkonferma li mhux se jkun qed jestendi l-kuntratt ma’ Manchester City u se jħalli lill-club fi tmiem l-istaġun.
Il-player ta’ 36 sena, li fadallu inqas minn tliet xhur fil-kuntratt attwali tiegħu fl-Etihad Stadium, kien figura periferali fl-iskwadra ta’ Pep Guardiola s’issa dan l-istaġun, fejn beda 11 mit-23 dehra tiegħu fil-kompetizzjonijiet kollha.
Fernandinho resaq viċin li jħalli lis-Citizens is-sena l-oħra qabel iddeċieda li jestendi l-kuntratt tiegħu bi 12-il xahar ieħor, iżda l-Brażiljan issa żvela li se jitlaq mill-club fis-sajf.
Wara t-tluq tal-leġġendi tal-club Vincent Kompany u David Silva, Fernandinho inħatar bħala l-captain il-ġdid ta’ Man City qabel l-istaġun 2020-21.
Minn mindu ngħaqad mal-Blues mingħand Shakhtar Donetsk fl-2013, il-midfielder għamel total ta’ 373 dehra għas-Citizens fil-kompetizzjonijiet kollha, fejn rebaħ erba’ titli tal-Premier League, sitt EFL Cups u FA Cup waħda.