Tuesday, February 3, 2026

Ferrovija taċ-ċikkulata maħduma f’Malta rikonoxxuta bħala l-itwal waħda fid-dinja

Aqra wkoll

Il-ħolqien ta’ skultura u li toħloq rekord dinji mhuwiex biss prova ta’ talent, imma wkoll ta’ perseveranza, viżjoni u kollaborazzjoni. Għal Andrew Farrugia, lettur fl-Institute of Tourism Studies (ITS) u dulċier Malti rinomat, dan kollu reġa’ seħħ fil-belt Taljana ta’ Milan, fejn żvela ferrovija taċ-ċikkulata twila 52 metru u li llum il-ġurnata ġiet rikonoxxuta uffiċjalment bħala l-itwal skultura taċ-ċikkulata fid-dinja.

Din il-kreazzjoni straordinarja, magħmula minn madwar 3,000 kilo ta’ ċikkulata Belġjana ta’ kwalità għolja ħafna, inħadmet fuq perjodu ta’ xhur sħaħ b’ħidma kollettiva ta’ studenti Maltin u Taljani. Studenti mill-ITS u mill-Istituto Italiano di Arti Culinarie u Ospitalità (CAST), flimkien ma’ kollegi edukaturi, kienu parti integrali minn proġett li ma kienx biss artistiku, iżda wkoll soċjali u edukattiv.

Il-ferrovija ġiet żvelata fil-Palazzo della Regione Lombardia, f’avveniment prestiġjuż li sar qabel il-Logħob tax-Xitwa li qed jsiru bħalissa fit-Tramuntana tal-Italja. Hemmhekk, uffiċjal tal-Guinness World Records kejjel l-istruttura u ta t-titlu uffiċjali tal-“World’s Longest Chocolate Sculpture”, waqt li Farrugia u l-istudenti raw ix-xogħol tagħhom jilħaq quċċata storika b’sodisfazzjon immens.

Dan it-tielet rekord iżid ma’ żewġ kisbiet preċedenti notevoli. Fl-2012, Farrugia kien ħoloq ferrovija taċ-ċikkulata twila 34 metru li ġiet esebita fl-istazzjon prinċipali ta’ Brussell. Fl-2014, imbagħad, kiseb rekord ieħor billi ħoloq l-ogħla skultura taċ-ċikkulata fid-dinja, replika ta’ 13.52 metru tal-Burj Khalifa, li ġiet żvelata fl-ajruport internazzjonali ta’ Dubai. Din id-darba, iżda, il-proġett kien differenti.

Aħna ħadna l-kummenti tal-istess Andrew Farrugia li deher kuntent ħafna b’dak li rnexxielu jikseb flimkien ma’ kull min għenu.

“Id-differenza ewlenija kienet li din ma kinitx biċċa xogħol ippjanata jew sempliċi skultura waħda,” jispjega Farrugia. “Kienet struttura enormi li tinvolvi ħafna loġistika, ħidma kontinwa u koordinazzjoni bejn istituzzjonijiet u pajjiżi differenti.”

Dak li żammu motivat, jgħid, kien ix-xewqa ċara li jinvolvi lill-letturi u lill-istudenti tal-ITS, kif ukoll studenti minn Brescia u Bergamo. Din il-kollaborazzjoni internazzjonali għamlet l-avveniment ferm aktar sinjifikanti u sabiħ.

Il-ferrovija qed tiġi esebita wkoll fl-ajruport ta’ Bergamo għal tliet ġimgħat sħaħ, fejn qed tgawdi minn viżibilità kbira, inkluż appoġġ minn VisitMalta, wieħed mill-isponsors, u mill-ITS, l-istitut edukattiv fejn Farrugia ilu jgħallem għal dawn l-aħħar 29 sena. Fil-jiem li ġejjin, l-iskultura se terġa’ tiġi esposta fi Brescia, biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdiha mill-qrib.

Minbarra l-aspett artistiku u rekord dinji, il-proġett kellu wkoll dimensjoni soċjali qawwija. Il-ħolqien ta’ din l-iskultura sar bil-għan li jinġabru fondi għal Hospice Malta u għall-Associazione Cure Palliative ODV-ETS f’Bergamo. Qabel l-avveniment, studenti Maltin u Taljani ħadmu flimkien biex ħejjew aktar minn 12,000 biskuttina u ċikkulati, li nbiegħu u li minnha kulħadd ta xi tip ta’ donazzjoni. F’Milan stess, studenti komplew ibigħu bars taċ-ċikkulata b’risq dawn iż-żewġ NGOs.

Farrugia jiddeskrivi dan il-proġett bħala uniku, mhux biss għax jgħaqqad iċ-ċikkulata mal-arti, iżda għax jiċċelebra l-ħidma bla heda tal-voluntiera tal-Hospice. Huwa esprima sodisfazzjon kbira li rnexxielu jġib flimkien lil Hospice Malta u lil dak ta’ Bergamo, saħansitra jorganizza laqgħat bejn il-CEO ta’ Hospice Malta, Kenneth Delia, u uffiċjali Taljani. “Qed tinbena relazzjoni b’saħħitha ħafna,” jgħid, “li nittamaw li twassal għal kollaborazzjoni bejn tobba u professjonisti biex itejbu l-għarfien u s-servizzi palliattivi.”

Matul iċ-ċerimonja f’Milan, Farrugia rringrazzja lill-istudenti u lill-kollegi kollha li ħadem magħhom, li llum isejħilhom ħbieb. L-emozzjoni kienet akbar għax miegħu kien hemm ukoll il-familja tiegħu, martu u t-tliet ulied, li ċċelebraw dan il-mument speċjali miegħu.

Huwa qal li huwa kburi mhux biss li jilbes l-uniformi tal-ITS, iżda wkoll żewġ badges li kiseb: waħda ta’ Hospice Malta u ieħor tal-Associazione Cure Palliative ta’ Bergamo. 

Meta jitkellem dwar il-futur, Farrugia jħares ’il quddiem b’umiltà. “Għalissa mhux se nikser aktar rekords,” jistqarr. “Wasalt f’ċerta età u issa qed naħseb aktar f’attivitajiet oħra, speċjalment dawk li jgħinu fil-ġbir ta’ fondi għall-Hospice.”

Il-vjaġġ tiegħu, li beda fil-Belt Valletta u l-Mellieħa, jibqa’ sors ta’ kburija. Mill-ewwel xogħol tas-sajf tiegħu, fejn skopra l-passjoni għad-dulċiera, sal-gwida ta’ Twanny Vella, Farrugia ilu 45 sena jaħdem fil-qasam u kważi tliet deċennji jgħallem.

Il-wirt tiegħu jinkludi wkoll inizjattivi bħall-Festival taċ-Ċikkulata tal-Ħamrun, li hu beda u mexxa għal għaxar snin konsekuttivi u li fiha dejjem jinvolvi studenti u artisti. “Nieħu gost nara lill-istudenti tiegħi jgħinu u jikbru,” jgħid, bit-tama li jkun ta’ ispirazzjoni għall-ħaddiema futuri.

Bl-interess dejjem jikber tal-midja internazzjonali, inklużi intervisti ma’ The Times of London u attenzjoni mill-World Association of Chefs’ Societies. l-isem ta’ Andrew Farrugia jibqa’ marbut mhux biss mar-rekords, imma mal-qalb, il-komunità u l-passjoni li jittrasmetti lil kull min jaħdem miegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport