Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said ħabbret li Festa Annimali se terġa’ tittella’ din is-sena fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali fis-7 ta’ Diċembru.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina, flimkien mad-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali, Joseph John Vella, u d-Direttur tal-Operat fi ħdan il-Ministeru, Estelle Bonello Sant.
Dawk li jattendu se jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni minn diversi għaqdiet volontarji, veterinarji u professjonisti, trainers u behaviourists tal-annimali. Dan bil-għan li aktar individwi u familji jkunu mħeġġa jadottaw annimal li bħalissa qiegħed jinżamm fis-santwarji tal-annimali.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li qed jerġa’ jittella’ dan l-avveniment. “Ninsab sodisfatta li, wara s-suċċess tal-edizzjoni ta’ Festa Annimali li ttellgħet is-sena li għaddiet, din il-ġurnata tant mistennija se terġa’ tirritorna għat-tieni sena konsekuttiva. L-annimali huma prijorità għal dan il-Gvern u dan nuruh mhux biss bl-iskemi u inizjattivi mħabbra matul is-sena, iżda wkoll permezz ta’ dawn it-tip ta’ avvenimenti fejn il-familji Maltin jistgħu jiġu jgawdu l-ġurnata flimkien mal-annimali tagħhom, filwaqt li jiksbu l-informazzjoni u rigali li se jiġu mqassma mill-għaqdiet volontarji li se jkunu preżenti.”
Bugeja Said spjegat kif attivitajiet bħal dawn huma importanti għax ikomplu joħolqu aktar kuxjenza fuq il-kura tal-annimali u l-importanza li wieħed jadotta u jagħti ċans għal ħajja aħjar lil annimal li jinsab f’santwarju. Dan filwaqt li jgħinu biex tiġi rikonoxxuta l-ħidma ta’ diversi għaqdiet. Temmet billi ħeġġet lill-pubbliku sabiex jattendi għal din l-attività mmirata għall-familja kollha.
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali spjegat kif din it-tieni edizzjoni ta’ Festa Annimali fis-7 ta’ Diċembru se terġa’ toffri l-opportunità sabiħa għal dawk kollha li jaħdmu mal-annimali u dawk li jħobbuhom biex jiltaqgħu flimkien għal ġurnata ta’ divertiment u għarfien. Bezzina saħqet li “minn fuq l-istand tal-Kummissjoni se nkunu qed inqassamu ID tags b’xejn, li skont il-liġi huma meħtieġa fuq kull kelb meta jkun fil-pubbliku. Din hija wkoll opportunità tajba biex insiru nafu aktar dwar ix-xogħol ta’ organizzazzjonijiet volontarji u entitajiet tal-gvern involuti mal-annimali. Ninkoraġġukom biex tingħaqdu magħna mal-familji tagħkom inkluż il-pets tagħkom.”
Id-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali, Joseph John Vella sostna wkoll li “mill-implimentazzjoni ta’ liġijiet aktar stretti kontra l-krudeltà, azzjonijiet ta’ salvataġġ, promozzjoni tal-adozzjoni, skemi ta’ għajnuna u servizzi edukattivi qed inkomplu nifirxu l-għarfien dwar l-annimali. Qed noħolqu soċjetà fejn l-annimali ma jitqisux bħala oġġett.”
Id-Direttur tal-Operat, Bonello Sant, faħħret ix-xogħol u l-preparamenti li saru mill-ħaddiema tad-direttorat filwaqt li saħqet li għalkemm din hija ġurnata mimlija attivitajiet għall-familja kollha, fl-istess ħin se sservi sabiex jitqajjem iżjed għarfien dwar ix-xogħol li jkun qed isir minn wara l-kwinti biex jittellgħu avvenimenti ta’ dan il-livell u favur il-ħarsien tal-annimali.
Dan l-avveniment se jittella’ bejn l-10:00am u l-4:00pm, u se jkun hemm divertiment għall-familja kollha, fosthom diversi stalls tal-Milied, logħob għat-tfal, wirjiet informatiċi, kif ukoll post sigur fejn il-klieb ikunu jistgħu jilagħbu.