Tuesday, January 14, 2025

Festa Ċitru tirritorna b’format differenti u divertiment għall-familja kollha

Aqra wkoll

L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Festa Ċitru se tkun ikbar u iktar varjata minn qatt qabel, hekk kif il-Palazz ta’ Sant’Anton se jinbidel f’atmosfera ideali għal ħarġa għall-familja kollha.

 Dettalji dwar Festa Ċitru ta’ din is-sena, li se ssir nhar il-Ħadd 12 ta’ Jannar, ingħataw waqt attività ta’ qtugħ ta’ lumi u larinġ mit-tfal tal-Optimist Club of Malta, fil-preżenza tal-President Myriam Spiteri Debono.

“L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Festa Ċitru se tkun iktar varjata mis-soltu, hekk kif mhux biss se jinbiegħ iċ-ċitru u prodotti magħmula fil-kċina tal-Palazz ta’ Sant’Anton mil-lumi u l-larinġ, imma wkoll se jkollna divertiment, għana u ikel tradizzjonali kif ukoll prodotti artiġjanali,” spjegat il-President.

Il-President Spiteri Debono aċċennat li l-kunċett ġdid għal din l-attività se jagħmel din l-attività ideali għal ħarġa għall-familja kollha, hekk kif Festa Ċitru se toffri varjetà ta’ divertiment u attivitajiet għat-tfal, fosthom bil-preżenza ta’ magician.

Dan apparti l-parteċipazzjoni tal-aqwa talent lokali, fosthom il-kantanti Fabrizio Faniello u Glenn Vella, u gruppi tal-għana akkumpanjati minn Jomike u Lydon.

Din is-sena, l-attività li ssir b’risq il-Malta Community Chest Fund se tkun mifruxa matul il-ġurnata, mid-9am sa tard waranofsinhar.

Element ġdid ieħor hu l-post fejn se ssir Festa Ċitru, hekk kif din is-sena l-qofol tal-attivitajiet se jkun fil-bitħa tal-Palazz ta’ Sant’Anton, li s-soltu ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport