Wara s-suċċess kbir li kisbet l-attività “Festa Ħut” fl-aħħar snin, ir-raħal pittoresk taż-Żurrieq se jerġa’ jilqa’ s-seba’ edizzjoni tagħha għada l-Ħadd, 29 ta’ Mejju. Intitolata “Mill-Baħar Iżraq Ħadt Ismi”, din l-attività se tfakkar is-snin kollha ta’ mħabba u dedikazzjoni lejn il-mestier tas-sajd, mestier li huwa marbut mar-raħal taż-Żurrieq għax ipprovda l-għixien ta’ diversi familji ta’ dan il-lokal.
F’din l-okkażjoni se tkun organizzata festa sħiħa ta’ ħut li tulha se jkun hemm bejgħ ta’ ħut frisk u anke msajjar, esebizzjonijiet ta’ artiġġjanat, kif ukoll spettaklu tradizzjonali Malti. Din is-sena, dawk li jattendu se jkunu jistgħu jieklu l-ikla ta’ nofsinhar f’atmosfera unika. Għal dawk il-familji li jżuru “Festa Ħut” se jkun hemm ukoll divertiment għat-tfal u dħul bla ħlas fil-Mitħna tax-Xarolla. Barra minnhekk, bħala parti mill-attività ż-“Żurrieq Scout Group” se jkun qiegħed jagħmel esebizzjoni sabiħa.
“Festa Ħut” imħabbra mill-Ministru Owen Bonnici se tkun organizzata madwar Triq il-Kbira, Misraħ Repubblika u Triq Pietru Pawl Saydon bil-ħinijiet ikunu mit-8.00 a.m sas-2.00 p.m.