Sunday, May 5, 2024

“Festa li tirriżulta fl-akbar migrazzjoni annwali ta’ nies fid-dinja”

Iċċelebrata s-Sena l-Ġdida Ċiniża

Aqra wkoll

Għaċ-Ċiniżi, ilbieraħ kien jum speċjali hekk kif immarkaw il-bidu ta’ sena ġdida. B’differenza minn kif aħna niċċelebraw l-ewwel tas-sena, iċ-Ċiniżi għandhom data tradizzjonali differenti għas-Sena l-Ġdida, li qatt ma tkun l-1 ta’ Jannar. 

Id-data tal-Ewwel tas-Sena Ċiniża hi determinata minn kalendarju lunari li huwa dejjem bejn 21 u 51 jum wara d-data tal-kalendarju Gregorjan. Festa li tissejjaħ ukoll il-Festival tar-Rebbiegħa. Din is-sena ħabtet fit-22 ta’ Jannar, is-Sena Ċiniża ddedikata għall-fenek.

Dan is-sit tkellem ma’ Luana Cini, li ilha għal diversi snin tistudja u anke gradwat fil-lingwa Ċiniża, dwar is-sinjifikat ta’ dan il-jum partikolari. Hija qaltilna li s-Sena l-Ġdida Ċiniża hija l-aktar żmien importanti li wieħed iqatta’ ma’ tal-familja. 

Ma jimpurtax kemm jgħixu ‘l bogħod minn djarhom, huma jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jingħaqdu għall-ikla ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena, li tirriżulta fl-akbar migrazzjoni annwali ta’ nies fid-dinja li tammonta għal aktar minn 200 miljun ruħ fiċ-Ċina biss. “Jiġifieri, jekk titħajjar tmur iċ-Ċina, ma nissuġġerix li tmur f’dan iż-żmien,” qaltilna Cini. 

Ir-raġuni wara dan il-festa…

Il-leġġenda tgħid li s-Sena l-Ġdida Ċiniża ħarġet minn battalja antika kontra n-Nian, mostru li kien jattakka lin-nies u jiekol it-tfal. Sabiex jeqirduh, in-nies użaw il-murtali biex iwarrbu lil dan il-mostru. Din it-tradizzjoni baqgħet titkompla saż-żmien preżenti u l-festa sservi bħala żmien biex wieħed jikseb xorti tajba.

Din iċ-ċelebrazzjoni kienet maħsuba wkoll sabiex il-bdiewa u l-ħaddiema jkollhom mistrieħ mix-xogħol iebes tagħhom ta’ matul is-sena, u għalhekk ikunu lesti għal sena ġdida ta’ xogħol. Fil-preżent, iċ-Ċina kollha tagħmel l-istess għaliex ħafna min-nies iqattgħu ġimgħatejn ta’ mistrieħ.

Minħabba li ħafna mill-familji Ċiniżi jagħżlu li jmorru jgħixu ‘l bogħod mill-familji tagħhom minħabba għażla ta’ karriera, għażla t’Universitajiet barra mill-provinċja, fost raġunijiet oħra, din il-festa sservi bħala opportunita ewlenija sabiex il-familji jinġabru kollha flimkien madwar il-mejda għall-ikla li tinkludi ħafna ikel, ħaxix u frott bħal ħut u dumplings.

Attivitajiet tradizzjonali oħra jinkludu t-tindif tad-djar, iż-żjarat lill-membri tal-familja, tiżjin, l-għoti ta’ rigali lit-tfal f’għamla t’envelops ħomor mimlija flus, il-logħob tan-nar u xi prattiċi reliġjużi bħalma huma l-offerti lill-antenati.

Hekk kif il-kultura Ċiniża nfirxet fl-irkejjen kollha tad-dinja u n-nazzjon qed isir dejjem aktar prominenti, dawn il-pajjiżi ażjatiċi jiċċelebrawha daqs li kieku kienu Ċiniżi u tant hu hekk li għalihom hija festa pubblika wkoll – il-Filippini, Vjetnam, Korea t’Isfel, Malasja, Korea ta’ Fuq, Singapor, u Brunei. 

Huwa maħsub li lbies ġdid minn fuq s’isfel, jissimbolizza bidu ġdid u tamiet ġodda għas-Sena l-Ġdida. Iċ-Ċiniżi normalment jilbsu ħwejjeġ ħomor jew ħwejjeġ oħra ta’ kulur jgħajjat f’Jum l-Ewwel tas-Sena, sabiex ikomplu mal-burdata pożittiva. Il-kulur aħmar fiċ-Ċina jissimbolizza x-xorti tajba u huwa maħsub li jbeżża’ l-ispirti ta’ xorti ħażina. Xi familji jilbsu ħwejjeġ tradizzjonali Ċiniżi bħal qipao jew tangzhuang.

Is-Sena tal-Fenek li jirrappreżenta l-paċi u l-paċenzja

Luana Cini kompliet tispjega wkoll li kull sena Lunari hija relatata m’annimal taż-żodjaku u tiġi darba kull 12-il sena. Qalet li din is-sena hija s-sena tal-fenek li jirrapreżenta l-paċi u l-paċenzja. 

“Din is-sena partikolari tissuġġerixxi li wieħed juża l-għerf sabiex jiffoka fuq ir-relazzjonijiet, id-diplomazija, u l-bidu ta’ relazzjonijiet ġodda kemm dawk professjonali kif ukoll personali. Imma, l-iktar sena popolari maċ-Ċiniżi hija s-sena tad-Dragun. Sena fejn jiżżewġu ħafna iktar koppji u jitwieldu ħafna iktar trabi minn snin oħra. Kumbinazzjoni s-sena tad-Dragun hija s-sena li twelidt fiha jien.

“Tradizzjonalment huwa maħsub li ż-żfin tad-dragun jew tal-iljun (matul il-Festival tar-Rebbiegħa) huwa mod kif wieħed jitlob għal xorti tajba u jkeċċi l-ispirti ħżiena. L-istess meta niftakru fil-logħob tan-nar. Fi żmien l-antik, iċ-Ċiniżi kienu jemmnu li jekk taħraq il-firecrackers tkeċċi l-ispirti l-ħżiena; fil-preżent dawn jintużaw biex jesprimu l-ferħ u jattiraw ix-xorti. Wieħed għandu jinnota li l-kulur li jinħaraq fil-firecrackers dejjem ikun aħmar.

“Dumplings huma l-ikel tradizzjonali tas-Sena l-Ġdida Ċiniża, speċjalment fit-Tramuntana taċ-Ċina. Peress li għandhom il-forma ta’ munita antika Ċiniża, iċ-Ċiniżi jemmnu li dan it-tip t’ikel se jġib il-prosperità fis-sena li ġejja,” qalet Cini.

Dwar is-Sena l-Ġdida Ċiniża, talk.mt ħa wkoll il-kummenti tal-eks Ministru Reno Calleja, li għadu jaħdem bis-sħiħ biex ikattar ir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina. Huwa spjega li din hija festa fejn il-familji Ċiniżi jingħaqdu flimkien, jifirħu u jiċċelebraw. “Min kellu x-xorti li jkun iċ-Ċina fis-Sena l-Ġdida tagħhom, bħalma kelli jien, jitgħaxxaq bid-dwal u l-ispirtu ta’ ferħ li jkun hemm,” qal Calleja.

“Minkejja li minħabba l-Covid-19, kien hemm restrizzjonijiet kbar, din is-sena ċ-Ċina fetħet il-bibien tagħha biex mijiet ta’ eluf ta’ Ċiniżi li jgħixu barra jkunu jistgħu jżuru lill-familji tagħhom.”

Calleja fakkar ukoll kif is-sena li għaddiet iċ-Ċiniżi reġgħu wrew kemm iħobbu lil Malta. Qal li l-mexxej Ċiniż Xi Jinping, kien ċempel lill-President ta’ Malta George Vella u għamel ħin twil ikellmu.

“Barra minn hekk, il-mexxej Ċiniż kiteb ittra ta’ ringrazzjament lil għalliem Malti, Martin Azzopardi, li waqqaf iċ-China Corner biex ixerred il-kultura Ċiniża fost it-tfal. L-Għaqda ta’ Ħbibeija bejn Malta u ċ-Ċina tieħu din l-okkażjoni biex tixtieq sena mimlija hena, ġid u saħħa lill-poplu Ċiniż,” temm jgħid Calleja.

Sport