Il-Ħadd li għadda ġiet iċċelebrata l-festa ta’ San Anton Abbati f’waħda mil-eqdem knejjes fil-gżira Għawdxija fil-lokalità tax-Xagħra.
San Anton Abbati huwa l-patrun ta’ dawn l-inħawi fil-lokalità tax-Xagħra. Il-ħajja tiegħu nafuha mill kitbiet ta’ Athanasius ta’ Lixandra, dawn il-kitbiet tiegħu għenu biex ixerrdu l-ħajja monastika fil-pajjiżi tal-punent.

San Anton Abbati huwa wkoll protettur tal-annimali u tal-mard tal-ġilda fost ħwejjeġ oħrajn, il-marda “l-Ħruq ta’ Sant’Antnin” (Herpes Zoster) hi msemmija għalih. San Anton Abbati hu l-qaddis li sa minn dejjem kien meqjus bħala l-patrun tal-annimali u tad-deżert fost ismijiet oħrajn.
San Anton Abbati (251-356)
Twieled fir-raħal ta’ Koman, fl-Eġittu, fis-sena 251, minn familja nisranija li kienet sinjura. Meta kellu 18-il sena, il-ġenituri tiegħu mietu, u hu safa waħdu flimkien ma’ oħtu li kienet iżgħar minnu. Madwar sitt xhur wara l-mewt tal-ġenituri, waqt li kien fil-knisja, sema l-kliem tal Vanġelu: “Jekk trid tkun perfett, mur biegħ kull ma għandek u qassmu lill-foqra, u ejja imxi warajja, u jkollok teżor fis-sema”.

Ikkonkluda li Alla kien qed isejjaħlu direttament, u għalhekk f’qasir żmien, wara li ħa ħsieb oħtu u ħallielha parti mill-wirt, il kumplament tal-wirt li mess lilu, qassmu lill-foqra, u mar jgħix waħdu, l-ewwel fid-deżert, u mbagħad fuq muntanja. Matul is-snin, xi żgħażagħ bdew jissieħbu miegħu, kull wieħed jgħix f’daqsxejn ta’ kamra għalih, iżda fil-qrib tiegħu biex ikunu jistgħu jiġu ggwidati spiritwalment minnu.
Fis-sena 305, niżel minn fuq il-muntanja u waqqaf l-ewwel monasteru nisrani, f’Faiyum, l-Eġittu. Waqt li fis-sena 311, mar Lixandra biex iħeġġeġ fil-fidi lill-insara fil persekuzzjoni ta’ Massimu.
Wara xi snin l-persekuzzjoni taffiet u mar f’Pispir, l-Eġittu ħdejn ix-xmara Nil, u waqqaf monasteru ieħor li jingħad li għadu jeżisti sal-lum, bl-isem ta’ Dayr al-Maymun. Wara li stabbilizza dan il-monasteru mar jgħix ġo għar fuq il-muntanja Kolzim.
Iżda anke hawnhekk, in-nies saret taf fejn kien u bdew ġejjin mhux biss mill Eġittu iżda wkoll minn pajjiżi oħra biex ikellmuh, u meta kienu jitilqu minn ħdejh, qalbhom kienet tkun mimlija bi mħabba ikbar lejn Alla.
Fis-sena 335 San Anton Abbati reġa’ mar Lixandra biex flimkien ma’ San Atanasju jikkumbatti l ereżija ta’ Arju, ta’ min jgħid li San Atanasju kien eżiljat ħames darbiet li b’kollox laħqu sbatax-il sena, imbagħad tela’ fuq il-muntanja u baqa’ hemm sakemm miet fis-sena 356, meta kellu 106 snin.
Il-Knisja ta’ San Anton Abbati

Il-knisja ddedikata lil San Anton Abbati tinsab fin-naħat tal-Qaċċa tar-raħal pittoresk tax-Xagħra u serviet bħala l-ewwel parroċċa għal din il-lokalità, li kienet ir-raba’ parroċċa f’Għawdex. Ġiet imwaqqfa fl-1688 mil-Isqof Davide Cocco Palmieri. Matul l-aħħar gwerra dinjija fl-1942, din il-knisja ġarrbet ħsarat f’attakk mil-ajru bil-bombi li waqgħu fil-viċin. Wara li ġiet restawrata fit-23 ta’ Settembru 1945 reġgħet infetħet uffiċjalment mil-Isqof t’Għawdex Mons. Ġużeppi Pace. Matul iż-żmien twettaq aktar xogħol u fl-okkażjoni tal-festa 1946 saret għall-ewwel darba ċ-ċerimonja tat-tberik tal-annimali. Knisja li għalkemm ma baqgħetx tgawdi t-titlu ta’ parroċċa xorta waħda baqgħet miftuħa għan-nies ta’ din il-komunità fejn sal-lum għadhom jiċċelebraw din il-festa u t-tberik tal-annimali u pets. Il-kwadru titulari juri lix-xwejjaħ San Anton tal-ħanżira fid-deżert, kwadru li jissimbolizza l-marda tal-pesta li kienet ħakmet dawn l-inħawi tax-Xagħra fl-1814 u li ħalliet għexieren mejta.
Jum il-Festa
F’jum il-festa filgħodu fil-knisja ta’ San Anton Abbati kien hemm Pontifikal Solenni Mill-E.T. Mons. Antom Teuma, Isqof ta’ Għawdex, li waqt l-omelija wassal il-ħsieb dwar San Anton Abbati’, filwaqt li Diana Zammit u Marita Vella akkumpanjati bl-orgni minn Ivan Attard animaw il-liturġija. Fit-3.00 p.m. kien hemm il-ħruġ tal-istatwa ta’ San Anton mil-Knisja, din l-istatwa artistika hi xogħol tal-istatwarju Għawdxi Michael Camilleri Cauchi, statwa li ħadet post oħra żgħira li kienet ħadem missieru Wistin Camilleri. Saret purċissjoni qasira mil-knisja sa Pjazza San Anton fejn sar it-tberik taż-żwiemel mir-rettur tal-knisja l-Kan. Michael Galea. Wara t-tberik kompliet il-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Anton akkumpanjata mill-banda Victory tax-Xagħra bid-daqq ta’ marċi brijużi. Għaddiet mit-toroq San Ġużepp u triq il-Knisja sa Misraħ il-Vitorja. Mal-wasla tagħha quddiem il-żuntier tal-Bazilika tal-Bambina fejn ġiet milqugħa mil-E.T. l-isqof George Bugeja O.F.M. u flimkien mal-kapitlu u l-kleru tal-parroċċa tax-Xagħra kompliet il-purċissjoni lura lejn il-knisja tul Triq it-28 ta’ April, waqfa qasira f’Pjazza San Anton, fejn din id-darba sar it-tberik tal-annimali u l-pets mill-Isqof George Bugeja O.F.M. u kif spiċċa t-tberik lura lejn il-knisja ta’ San Anton Abbata fejn sar xi talb segwita b’Barka Sagramentali.

