Friday, December 12, 2025

Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza fl-1 ta’ Jannar 2026

Aqra wkoll

Għal darb’oħra, il-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza se terġa’ tiġi organizzata nhar l-1 ta’ Jannar, taħt it-tinda l-kbira fil-parkeġġ tad-Dar, fis-Siġġiewi. Dan tħabbar mid-Direttur tad-Dar, Mons. Martin Micallef, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret nhar l-Erbgħa li għadda.

Bħalma sar waqt edizzjonijiet riċenti, il-Festa ta’ Ġenerożità se tkun trażmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin bejn l-10.00 a.m. u nofsillejl. Fid-9.30 a.m., TVM2 ixandar il-quddiesa mill-kappella tad-Dar li se titmexxa mill-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.

Mons. Micallef qal li s-sena 2025 kienet sena speċjali għad-Dar tal-Providenza għax fakkarna s-60 sena mit-twaqqqif tagħha. Id-Dar fakkret dan l-avveniment billi investiet f’xiri ta’ żewġ flats fis-Siġġiewi li se jkunu qed jospitaw tliet residenti kull wieħed li bħalissa qed jgħixu fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi. Id-Dar qed tirranġa wkoll appartament fil-Ħamrun fejn se tkun qed tgħix persuna b’diżabilità weħidha bis-sapport meħtieġ. Din i-ħidma hija parti mill-istrateġija tad-Dar għas-snin li ġejjin li tpoġġi d-deistituzzjonalizzazzjoni fiċ-ċentru tagħha fid-dawl tal-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Persuni b’diżabilità billi toffri aktar servizzi residenzjali fil-komunità u atternattivi oħra ta’ sapport skont ix-xewqat tal-persuna.

Barra minn dan din is-sena tlesta wkoll proġett ta’ rinovar ta’ flat f’Villa Papa Giovanni fis-Siġġiewi fejn qed noffru ambjent aktar dinjituża lil persuni li jgħixu fih. Id-Dar kompliet tinvesti fir-riżorsa umana anke b’impjieg ta’ professjonisti, taħriġ kontinwu lill-impjegati, xiri ta’ apparat ġdid, manutenzjoni, u proġetti oħra biex tkompli ttejjeb is-servizzi tagħha

Fr Martin Micallef qal li tul dawn is-snin id-Dar setgħet toffri dawn is-servizzi residenzjali grazzi għall-appoġġ kontinwu tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Festa ta’ Ġenerożità tal-1 ta’ Jannar, hija appuntament annwali, fejn id-Dar tista’ ddur lejn il-poplu Malti u Għawdxi biex jgħinha finanzarjament biex tkun tista’ tkompli din il-ħidma. Fil-fatt, id-Dar għandha bżonn madwar 7 miljun ewro kull sena biex topera. 

Ms Nadine Camilleri Cassano, l-Amministratur tad-Dar tal-Providenza tkellmet dwar id-diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li se jsiru matul ix-xahar ta’ Diċembru li jwasslu għall-ewwel tas-sena u kif il-poplu jista’ jgħin fosthom l-irkant tal-arti li se jkunu għall-wiri fil-bini tal-Parlament bejn il-15 u s-26 ta’ Diċembru, kif ukoll fis-sala tad-Dar tal-Providenza fl-1 ta’ Jannar 2026 meta se jkunu irkantati online.

Hija spjegat kif id-donazzjonijiet għall-maratona Festa ta’ Ġenerożità jistgħu jsiru mil-lum stess sal-ewwel tas-sena b’wieħed minn dawn il-mezzi. Fil-fatt, dawn id-donazzjonijiet se jkunu nklużi fis-somma totali li titħabbar fi tmiem il-maratona fl-1 ta’ Jannar 2026.

€15 – 51702013

€25 – 51802014

€50 – 51902085

€100 – 51302022 

SMS €7 – 50618922

Wieħed jista’ wkoll jagħmel donazzjoni b’mod faċli fuq Paypal u kontijiet tad-Dar tal-Providenza malbanek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.

Donazzjonijiet via BOV Mobile u myAPS Payment to Mobile (P2M) jistgħu isiru fuq 7932 4834. 

Aktar minn hekk, individwi jistgħu wkoll jibagħtu d-donazzjoni tagħhom ta’ iżjed minn €20 permezz ta’ ċekk lid-Dar tal-Providenza, Triq Id-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi SGW2822. Għandu jiġi nnutat li skont direttiva mill-Bank Ċentrali ta’ Malta ċekkijiet ta’ €20 u inqas ma jistgħux jissarfu mill-banek Maltin.

Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl-Uffiċċju tad-Dar tal-Providenza, fi Triq San Pawl il-Belt (wara s-Suq l-Antik), mit-Tlieta sas-Sibt filgħodu bejn id-9.00 a.m. u 12.00 p.m., mill-Paola Catholic Bookshop, kif ukoll mill-Pjazza tar-Rabat Malta minn nhar il-Ħadd 14 ta’ Diċembru sal-1 ta’ Jannar 2026.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport