Il-Malta Skateboarding Association u l-Malta Street Sports Association ingħaqdu mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u r-Reġjun Tramuntana sabiex jittella’ għall-ewwel darba l-iStreet Sport Festival f’din il-lokalità. L-avveniment se jsir nhar is-Sibt li ġej, mill-4.30 p.m. ‘il quddiem, bil-fondi li jinġabru se jmorru għal Puttinu Cares.
Dan l-avveniment se jkun qiegħed jinkorpora tipi ta’ sports differenti, fosthom skateboarding, scooter, BMX, inline rollerblades, basketball, 1v1 futbol, volleyball, parkour, żfin, ibburdjar, wrestling u stand up paddle.
F’intervista ma’ dan is-sit Rudy Dorekens, mill-Malta Skateboarding Association, irrimarka kif għal dan l-avveniment huma mistennija li jattendu bosta organizzazzjonijiet differenti, fosthom dawk relatati mal-ambjent, mal-istil tal-ħajja u mal-mobilità.
Dorekens qal li peremzz ta’ attivitajiet bħal dawn, qegħdin jippruvaw jippromwovu l-fatt li wieħed m’għandux bżonn ta’ karozza biss biex jivvjaġġa, iżda jista’ jagħmel użu minn mezzi oħra tat-trasport, fosthom ir-rota.
Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi għall-Isports Fest, li se jinkorpora fih diversi attivitajiet li jinkludu anke diversi obstacle courses għal etajiet differenti li se joħolqu diversi sfidi.
Rudy enfesizza li dan l-avveniment huwa ddedikat għall-memorja tat-tabib Dr Victor Calvagna. Minbarra l-attivitajiet imsemmija qabel, se jkun hemm ukoll ġirja ta’ żewġ kilometri għat-tfal ta’ taħt is-16-il sena fis-6.30 p.m.
Se jkun hemm ġirja oħra għall-adulti b’total ta’ ħames kilometri li se tkun fis-7.30 p.m. Huwa żied jgħid li kull min hu interessat li jagħmel din il-ġirja se jkun mitlub sabiex jagħti donazzjoni li se tmur għal Puttinu Cares.
Ma’ dan il-ġurnal, iż-żagħżugħ spjega li l-ħidma bejn il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u assoċjazzjonijiet differenti se tkompli għaddejja bil-għan li dan it-tip ta’ sports ikompli jikber.
Huwa spjega li l-pass li jmiss huwa l-bini tal-iskatepark fil-Qawra, filwaqt li l-assoċjazzjoni li tagħha huwa membru temmen li dan l-iskatepark se jkun wieħed ta’ livell internazzjonali. Fih se jkunu jistgħu isiru kompetizzjonijiet lokali sabiex jittellgħu diversi festivals.