Wednesday, April 1, 2026

Festival ta’ Mużika… “Inkabbru d-dimensjoni kulturali f’Għawdex”

– Is-Surmast Direttur Colin Attard

Aqra wkoll

Id-19-il edizzjoni tal-festival mużikali “Gaulitana” din is-sena b’mod partikolari se jfakkar il-125 sena mill-mewt ta’ Giuseppe Verdi… iżda dan mhux biss hekk kif matul xahar sħiħ se jkun hemm xalata ta’ kunċerti kemm strumentali u anke minn korijiet minn pajjiżna u anke minn barra minn xtutna.

Hekk stqarr magħna s-Surmast u Direttur tal-Festival Colin Attard f’intervista li saret ma’ dan il-ġurnal.

Is-Surmast Attard jgħidilna li llum il-ġurnata dan il-festival mhux biss hu rikonoxxut f’pajjiżna, iżda wkoll b’mod internazzjonali.

“Kull sena qiegħed ikollna parteċipazzjoni akbar ta’ mużiċisti u korijiet li jiġu f’pajjiżna biex jieħu sehem f’dan il-festival. Hu ta’ unur mhux biss għal organizzaturi ta’ dan il-festival, iżda wkoll għal Għawdex li qiegħed jattira korijiet ta’ fama internazzjonali,” jgħid is-Surmast Attard.

Ikompli jistqarr magħna li l-għan wara dan il-festival hu li nkabbru d-dimensjoni kulturali f’Għawdex u din il-gżira tkun ċentru kulturali.

Din is-sena l-festival jibda fit-28 ta’ Marzu u jibda’ għaddej sal-4 ta’ Mejju bil-qofol tiegħu jilħqu fil-25 ta’ April meta fit-Teatru tal-Opra Aurora se titella l-Opra “Il Trovatore” ta’ Giuseppe Verdi.

Il-passjoni li s-Surmat Attard għandu għal mużika hija kbira wisq. 

Appari li ġej minn familja ta’ mużiċisti, Attard iħobb dak kollu li hu kulturali f’pajjiża u dan seta’ jinħass bil-passjoni li tkellem biha meta kien qiegħed jitkellem magħna.

L-opra “Il Trovatore”

Is-Surmast Attard jirrimarka li kull attività li se ssir f’dan il-festival hija b’xejn, l-unika waħda li tkun bi ħlas tkun l-opra li se ssir fil-25 ta’ April.

“Il Travatore” hija kapulavur ta’ Giuseppe Verdi u għalkemm saret diġà f’Għawdex xorta waħda tibqa’ opra kbira li tajjeb li jitfakkar l-anniversarju tal-mewt tal-istess kompożitur biha.

Jgħidilna li “aħna grupp żgħira ta’ nies li norganizzaw dan il-festival u hu ta’ unur għalina li din l-opra se tkun l-10 waħda li qegħdin intellgħu.”

Korijiet u mużiċisti barranin

Waqt l-intervista li saret lis-Surmat Attard, ma waqafx isemmi ismijiet ta’ korijiet u mużiċisti barranin li se jkunu qegħdin iżuru pajjiżna apposta għal dan il-festival.

Semma b’mod partikolari kor mill-Istati Uniti li se jkun qiegħed jagħti kunċert nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ April f’lukanda f’San Lawrenz.

Apparti minn hekk, kor mill-Polonja nhar il-Ħadd, 29 ta’ Marzu, u allura ġimgħa eżatt qabel l-Għid il-Kbir se jkun qiegħed ikanta l-Coronation Mass, kapulavur ta’ Mozart fil-Knisja Arċipretali ta’ Sannat.

Festival ma’ Għawdex kollu

Is-Surmast Attard jgħidilna li forsi b’differenza minn festival oħrajn li jsir f’Għawdex, dan il-festival idur Għawdex kollu.

“Kif tista’ tara mill-programm hemm attivitajiet madwar Għawdex kollu. Knejjes, lukandi u postijiet oħrajn se jkunu qegħdin jospitaw dan il-festival,” itenni Attard.

Nitkellmu mat-tfal

Waqt dan ix-xahar sħiħ ta’ festival, l-organizzaturi ħasbu wkoll li jmorru f’diversi skejjel madwar Għawdex biex ikabbru l-għarfien tal-mużika ħafna drabi klassika.

“Aħna rridu li f’dan ix-xahar issir edukazzjoni fost il-ġenerazzjoni żgħira Għawdxija bit-tama li anke huma jibdew jieħdu interess f’dak li hu mużika u kultura.

“Imorru nitkellmu mat-tfal f’diversi skejjel. Nixtieq u minn dawn it-taħdidiet ikun hemm studenti li jitħajru jibdew jitgħallmu l-mużika jew anke jidħlu f’xi kor li hawn f’Għawdex… Jekk le tal-inqas dawn it-tfal iħajru lill-ġenituri jattendu imqar kunċert wieħed li se jkollna matul dan ix-xahar kollu,” ikompli jgħidilna s-Surmast.

Dan il-programm edukattiv ingħata l-isem ta’ “GAULearn”

Volontiera u għajnuna

“Li kieku ma jkollnix il-voluntieri li jgħinu biex jiġi organizzat dan il-festival, iżda li ma jkunx posibbli li jsir. Il-volontarjat naqas ħafna, iżda għal grazzja t’Alla s’issa għadna nsibu nies li jagħtu mill-ħin liberu tagħhom biex jitella’ dan il-festival.

“Irrid nirringrazzja però b’mod partikolari lil Gozo of Arts Council Malta u lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar tal-għajnuna kbira finanzjarja li jagħtu lil dan il-festiva.

“Kif tista’ tara dan jiġi jiswa eluf kbar ta’ ewro. L-opra biss tiġi eluf kbar… iżda bl-għajnuna tagħhom u anke tal-APS Bank dan kollu hu posibbli,” itemm jgħid magħna s-Surmast Attard.

Aktar informazzjoni

Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni billi jidħol fis-sit www.gaulitanus.com

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport