Tuesday, February 18, 2025

Fgura United FC huwa iktar minn klabb tal-futbol – Samuel Buhagiar

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Waħda mill-ewwel memorji tiegħi fil-futbol hija li nara lil Manchester United jilagħbu kontra r-Real Madrid fil-UEFA Champions League ma’ missieri u man-nannu u niftakarni l-għada, fil-bitħa tal- MUSEUM, nipprova nagħmel bħalhom.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek ma’ Fgura United sa issa?

Jien ingħaqadt mal-Fgura l-ewwel darba fl-2022, u fl-2024 erġajt ingħaqadt mal Fgura għax nemmen bis-sħiħ fil-proġett li qegħdin nagħmlu. Fgura United huwa klabb differenti minn oħrajn fej min-naħa tal-futbol ilhom jaħdmu fuq pedament tajjeb tul is-snin li għaddew biex issa sar tim stabbilit fil-BOV Challenge League u ‘l quddiem nimbuttaw biex inkunu nistgħu nisfidaw għall-promozzjoni fil-Malta Premier. Minkejja li Fgura United huwa klabb tal-futbol, jagħmel ħafna ġid fil-komunitá, pereżepmju fil-maratona tal-futbol illi fiha l-voluntiera jagħmlu 50 siegħa bla waqfien biex jiġbru l-fondi għall- Puttinu Cares bl-aħħar maratona illi organizzaw inġabru iktar minn €55,000 b’total fuq l-aħħar snin ta’ iktar minn €100,000. Dan jurik biċ-ċar li l-Fgura United FC huwa iktar minn klabb tal-futbol.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Oriġinarjament pruvajna nibnu fuq il-prestazzjoniijiet li kellu t-tim is-sena l-oħra, u nimbuttaw għat- top 8 imma ċ-ċirkostanzi ma ppermettewx. Bħalissa, iċ-ċansijiet illi niġu mat-top 8, minkejja illi matematikament possibli, qegħdin diffiċli għaliex niddependu milli jwaqqgħu l-punti l-klabbs ta’ fuq,  minkejja li l-prestazzjonijiet kienu qed ikunu tajba.

Minkejja illi r-riżultati ma bdewx jaslu, il-kowċis baqgħu jaħdmu biex iżommu armonija fit-tim u nimbuttaw għar-riżultati li jmiss, flimkien mal-amministrazjoni tal-klabb baqgħu jaħdmu sabiex anke saħħaħna l-iskwadra f’Jannar, biex niġġieldu ħalli nibqgħu f’din id-diviżjoni. Wara ħafna xogħol u sagrifiċċji, l-aħħar riżultati ġew favurina iżda l-BOV Challenge League huwa wieħed diffiċli ħafna u ma tistax tirrilassa fih!

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u l-futbol?

Il-futbol minn dejjem kien għal qalbi u dejjem tajtu importanza, biss hemm iktar affarijiet li huma importanti fil-ħajja tal-lum. Jien naħdem fis-settur finanzjarju jiġifieri ma nistrapazzax ruħi fiżikament … dik tgħinni biex inkun kapaċi nitrennja ta’ kuljum fit-taħriġ mat-tim. Maż-żmien titgħallem illi ma tħallix l-affarijiet tax-xogħol jaffettwawk fil-futbol u viċi-versa.

Apparti minn hekk ma nistax ma nsemmix il-paċenzja li jieħdu bina tal-familja u t-tfajla tiegħi …  mingħajrhom żgur li ma nkunx kapaċi nlaħħaq ma’ kollox!

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien għadni kif għalaqt id-29 sena u nħossni li għad fadalli x’nagħti fil-futbol Malti bħala plejer u nibqa’ nipprova nistabilixxi ruħi fil-BOV Challenge League. Apparti minn hekk, jogħġobni ħafna l- kowċing u minn ta’ etá żgħira, irnexxieli nġib il-liċenzja ‘UEFA C’. Kif għidt qabel, il-futbol minn dejjem kien għal qalbi u nemmen li meta xi darba ndendel iż-żarbun, nibqa’ nagħti l-kontribut tiegħi bħala kowċ, imma bħalissa għadni qiegħed niffoka fuq il-karriera tiegħi bħala plejer.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-futbol apparti illi huwa żvog, jgħinek tibqa’ fiżikament tajjeb, jistimulak mentalment, jgħinek mill- punt soċjali fejn tiltaqa’ ma’ nies ġodda u jgħallmek kif taħdem bħala tim. Barra minn hekk, jgħallmek xi tfisser dixxiplina illi jekk int ma tiddedikax ruħek għall-futbol, ma tista’ qatt tkun ta’ suċċess fil-futbol, allura l-messaġġ tiegħi huwa illi jekk int vera għandek għal qalbek il-futbol, prattika kemm tiflaħ u kemm tista’, il-ħin tat-taħriġ ħudu bis-serjetá u fl-aħħar mill-aħħar ħu gost għax il- karriera ta’ plejer tal-futbol hija waħda qasira wisq!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport