Il-Prim Ministru Franċiż Sébastien Lecornu qed jappoġġja s-sospensjoni tar-riformi kontroversjali tal-pensjonijiet li ried idaħħal il-president Franċiż Emmanuel Macron fl-2023, biex isalva l-gvern li għadu kif ifforma. Lecornu li stqarr l-appoġġ tiegħu fil-parlament, ħa din id-deċiżjoni fid-dawl ta’ voti kruċjali ta’ sfiduċja aktar tard din il-ġimgħa.
Lecornu qal, fost l-applaws tal-partiti tax-xellug, li din il-ħarifa il-gvern se jipproponi lill-parlament is-sospensjoni tar-riforma tal-pensjonijiet tal-2023 sal-elezzjoni presidenzjali tal-2027.
Il-President Emmanuel Macron talab lil Sébastien Lecornu biex jirritorna bħala Prim Ministru Franċiż il-ġimgħa li għaddiet erbat ijiem biss wara li rriżenja mill-kariga, u dan wassal għal ġimgħa ta’ drama kbira u taqlib politiku. Huwa jeħtieġ l-appoġġ tal-Membri Parlamentari Soċjalisti fil-parlament jekk irid li l-gvern tiegħu jibqa’ ħaj.
Il-bidliet fil-pensjonijiet, li żiedu l-età tal-irtirar minn 62 għal 64 sena, kienu meqjusa bħala riformi ewlenin fil-presidenza ta’ Emmanuel Macron. Ir-riformi finalment ġew imbuttati fil-parlament f’Marzu tal-2023, inqas minn sena wara li Macron ġie elett għal tieni mandat presidenzjali.
Kien hemm xhur ta’ dibattitu politiku, strajkijiet u protesti fit-toroq, u fl-aħħar l-abbozz kellu jgħaddi mingħajr vot fil-parlament bl-użu ta’ mekkaniżmu kostituzzjonali magħruf bħala 49:3.
Il-ġimgħa li għaddiet, Lecornu qal li kienet xi ħaġa li ħafna Franċiżi jiftakruha bħala “ferita fuq id-demokrazija”. Nhar it-Tlieta iżda għamilha ċara lill-Membri Parlamentari li s-sospensjoni tar-riforma tal-pensjonijiet se tiswa €400 miljun fl-2026 u €1.8 biljun oħra fl-2027. Dan se jkollu jiġi kkumpensat minn tfaddil ieħor.
Lecornu huwa t-tielet prim ministru ta’ Franza fl-aħħar sena iżda anke jekk jirnexxilu jsalva jeħtieġ li jgħaddi baġit mill-parlament li jnaqqas id-defiċit baġitarju li laħaq il-5.4% tal-produzzjoni ekonomika (PDG) din is-sena.
Id-dejn pubbliku ta’ Franza aktar kmieni din is-sena kien ta’ €3.4 triljun, jew kważi 114% tal-Prodott Domestiku Gross, it-tielet l-ogħla fiż-żona tal-ewro wara l-Greċja u l-Italja.