Fi Frar ta’ din is-sena ir-rata annwali tal-inflazzjoni kif imkejla mill-HICP kienet taʼ 2.0 fil-mija, żieda mill-1.8 fil-mija taʼ Jannar 2025. Ir-rata medja annwali fuq tnax-il xahar għal Frar 2025 kienet taʼ 2.2 fil-mija.
Matul l-istess xahar imsemmi, l-ogħla rati annwali taʼ inflazzjoni kienu rreġistrati fl-Edukazzjoni (4.8 fil-mija) u fil-Prodotti u servizzi mixxellanji (3.6 fil-mija). Min-naħa l-oħra, il-Komunikazzjoni (-4.2 fil-mija) u l-Ħwejjeġ u ż-żraben (0.2 fil-mija) rreġistraw l-aktar rati baxxi tal-inflazzjoni annwali.
L-NSO qalet ukoll illi matul ix-xahar li għadda, l-akbar kontribuzzjoni pożittiva għall-inflazzjoni annwali ġiet mill-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+0.47 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-prodotti tal-ħelu.
It-tieni u t-tielet l-akbar kontribuzzjonijiet għall-inflazzjoni annwali kienu nnotati fl-Indiċi tar-Ristoranti u l-lukandi (+0.46 punti perċentwali) u fl-Indiċi tat-Trasport (+0.32 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tas-servizzi tar-ristoranti u tat-trasport bl-ajru, rispettivament.
Il-kontribuzzjoni negattiva għall-inflazzjoni annwali kienet irreġistrata fl-Indiċi tal-Komunikazzjoni (-0.16 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet inqas għas-servizzi tal-mowbajl.