Sunday, December 22, 2024

Fi ftit xhur il-prezz tal-fjuwil li jużaw il-vapuri rdoppja

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

… impatt kbir mistenni fil-manifattura u fit-trasport – Franco Azzopardi, Kap Eżekuttiv Express Trailers

Hekk kif il-kunflitt fl-Ukrajna issa diġa ilu għaddej ġimagħtejn, rajna kif immedjatament bdiet l-invażjoni kien hemm effett fuq ċertu prezzijiet. Fost dawn kien hemm żieda sostanzjali fil-prezz taż-żejt, żidiet fi prezzijiet ta’ materja prima u anke żieda fil-prezz tal-qamħ. Il-fjuwil madwar l-Ewropa bdejna naraw jogħla sostanzjalment. Il-prezz tal-gass għola ukoll.  Talk.mt tkelmet ma’ Franco Azzopardi, Kap Eżekuttiv ta’ Express Trailers, li hi waħda mill-kumpaniji ewelenin tat-trasport f’Malta dwar l-effetti ta’ din il-gwerra fuq is-settur tat-trasport.  Fi kliemu stess “minn Jannar sal-llum, il-prezz tal-fjuwil li jużaw il-vapuri irdoppja u laħaq prezzijiet li ilna ma narawhom kważi ħmistax-il sena.”

Franco Azzopardi qalilna li “issa li għaddew gimgħatejn minn meta faqqgħet din il-gwerra fl-Ukrajna, aktar qiegħda tiċċajpar it-tama illi din ma kinitx ser tkun kriżi oħra, wara li għadna mbenġlin mill-pandemija. Il-pandemija hekk kif spjegajna ħafna drabi, esponiet il-punti debboli fil-katina tat-trasport ta’ merkanzija, kemm dik li trid tintuża fil-manifattura hekk kif ukoll dik li nikkunsmaw aħna bħala konsumaturi ta’ kuljum. It-trasport bil-baħar għola matul is-sena l-oħra b’elf fil-mija jiġifieri b’għaxar darbiet u iktar. Dan imbagħad kellu impatt fuq it-trasport bit-triq hekk kif l-imprendituri bdew ifittxu materja prima u prodotti minn sorsi oħra u anki bdew jippruvaw iqassru d-dewmien fiż-żmien tat-traġitti.”

Enfasizza li “d-diesel mill-pompi fl-Ewropa għola bi 30 fil-mija sa l-aħħar tas-sena. U hekk kif ħsibna, jew ittamajna li l-maltemp kien għadda, faqqgħet din li saħansitra fixklet l-ewwel u qabel kollox, is-swieq taż-żejt. Biss biss, minn Jannar sal-llum, il-prezz tal-fjuwil li jużaw il-vapuri irdoppja u laħaq prezzijiet li ilna ma narawhom kważi ħmistax-il sena. F’xahar, il-prezz tad-diesel fil-pompi madwar l-Ewropa żdied b’10 fil-mija wkoll. It-tensjoni u l-inċertezza li qed iġġib din il-gwerra, riesqa lejn memorji koroħ għal ħafna miljuni ta’ nies. L-għadd ta’ immigranti lejn l-Ewropa jixbaħ dak ta’ żmien it-tieni gwerra dinjija. Imma apparti spejjeż ogħla fl-operat tal-logistika, ġejjin forzi kbar oħra.

L-Ukrajna kienet tipproduċi 60 fil-mija tal-qamħ li tikkonsma r-Russja u 11 fil-mija tal-qamħ ikkunsmat fid-dinja kollha. L-immigrazzjoni lejn il-Polonja qed iġġib piż fuq il-pajjiż li saħansitra il-VW għalqet il-produzzjoni tal-fabbriki tagħha ġewwa l-istess Polonja. Huwa previst li l-katastrofi li ser tħalli din il-gwerra ser iġġib stress finanzjarju enormi biex terġa’ tinbena l-Ukrajna.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Express Trailers saħaq li “minn naħa l-oħra, ir-Russja tipproduċi 14 fil-mija tal-aluminju dinji u allura bis-sanzjonijiet, ser tinħoloq skarsezza ta’ dan il-metall. Il-loġistika minn u lejn ir-Russja naqqset drastikament ukoll, minħabba din il-kriżi. Bl-istess mod u speċjalment kawża tal-bumbardamenti, il-loġistika permezz tat-toroq ġewwa l-Ukrajna naqset b’madwar 80 fil-mija u allura qed tinħoloq skarsezza ġol-pajjiż u domanda akbar ġewwa l-pajjiżi fejn qed imorru l-immigranti.”

Kompla jgħid li “l-elettronika ser tiġi impattata dalwaqt għax ir-Russja tissupplixxi 40 fil-mija tal-palladium li huwa wieħed mir-riżorsi fil-produzzjoni ta’ semi conductors. Iċ-ċipep tal-kompjuters jirrikjedu in-neon, li 70 fil-mija mid-domanda dinjija tiġi mill-Ukrajna. Wieħed allura jista’ jifhem l-impatt kbir li huwa mistenni fil-manifattura u fit-trasport li d-dinja normali mdorrija bihom. Forsi il-pajjiżi inklużi Malta għadhom mhux qed iħossu l-impatt ta’ din il-gwerra s’issa. Imma dawn il-konsiderazzjonijiet strateġiċi jirrikjedu korrezzjonijiet fil-katina ekonomika. Skont Forbes, din il-gwerra tista’ tħalli skarsezza u qtugħ fl-enerġija, ikel, u metalli li huma kritiċi fit-teknoloġija.”

Enfasizza li “Malta s’issa qed tħoss biss l-inflazzjoni. Iżda anki jekk kulħadd jittama li kollox jintemm b’wiċċ il-ġid, għandna nkunu preparati f’każ li l-eżitu jkun agħar mill-kriżi tal-pandemija. Il-kumpanija tagħna tibqa’ ffukata fuq il-loġistika u l-konnettività ta’ Malta u l-poplu tagħha mal-kumplament tad-dinja biex kull m’hemm bżonn li jinstab fuq l-ixkafef fil-ħwienet, in-nies tibqa’ issibu. Nemmnu li nistgħu nagħmlu dan għax kunfidenti li l-investimenti għaqlin li għamilna speċjalment fin-nies tagħna, u fin-nisġa ta’ kuntatti u fil-professjonalità u kwalità, għandhom jagħtuna l-kapaċità li għandna bżonn fi kriżi kbira bħal din.”

Ekonomija

Sport