New Zealand rat it-tieni jum ta’ dimostrazzjonijiet kontra restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija bid-dimostranti jinġabru quddiem il-parlament.
Ispirati minn protesti kbar kontra l-vaċċini fil-Kanada, mijiet ta’ persuni fi New Zealand waslu nhar it-Tlieta biex jagħmlu protesti ġodda kontra l-vaċċin u regoli oħra tal-Covid.
Id-dimostranti adottaw l-isem “Convoy for Freedom” u mblukkaw toroq fil-kapitali Wellington, iżda sal-Erbgħa, in-numri tagħhom kienu naqsu għal għexieren ta’ persuni.
Madwar 100 uffiċjal tal-pulizija nġabru quddiem il-parlament, skont il-midja tal-pajjiż.
Ir-rallies din il-ġimgħa ġew injorati fil-biċċa l-kbira mill-parlamentari ta’ New Zealand, bil-midja lokali tirrapporta li l-ebda leġiżlatur ma mar jiltaqa’ mal-folla b’kuntrast ma’ xi rallies preċedenti.
Il-Prim Ministru Jacinda Ardern iddeskriviet lid-dimostranti bħala minoranza marġinali.
“Naħseb li jkun ħażin li b’xi mod tikkaratterizza dak li rajna barra bħala rappreżentanza tal-maġġoranza,” qalet Ardern lill-ġurnalisti nhar it-Tlieta.
Żiedet tgħid li l-maġġoranza tal-persuni fi New Zealand għamlu dak kollu li setgħu biex iżommu lil xulxin siguri.
Nhar l-Erbgħa, il-Prim Ministru Ardern qalet li dawk li kienu qed jipprotestaw huma liberi li jagħmlu dan iżda nnotat li setgħu jagħmlu dan minħabba li l-maġġoranza tal-persuni fil-pajjiżi kienu segwew il-parir tal-gvern biex jieħdu l-vaċċin. Fil-fatt, madwar 77% tal-popolazzjoni hija mlaqqma b’żewġ dożi.