Saturday, October 4, 2025

Fi tmiem din il-ġimgħa qed isiru l-pagamenti tal-In-Work Benefit u l-Carers Grant

Aqra wkoll

Fi tmiem din il-ġimgħa qed isiru l-pagamenti tal-In-Work Benefit u l-Carers Grant, li jkopru l-perjodu minn Lulju sa Settembru ta’ din is-sena. Il-pagament ta’ dawn it-tliet xhur se jfisser investiment ta’ €5 miljun oħra lil 25,000 familja. Din is-sena fuq dawn iż-żewġ benefiċċji biss se jkunu tħallsu qrib l-€20 miljun.

Dawn id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti Mark Musù.

Dwar l-In-Work Benefit, is-Sur Musù spjega li dan il-benefiċċju kien introdott fl-2015 bħala parti mill-pakkett ta’ miżuri tal-Making Work Pay. Inizjalment dan il-benefiċċju, li jitħallas b’rati differenti, kien introdott għall-koppji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u għas-single parents li jaħdmu. 

Sussegwentement dan il-benefiċċju kien estiż ukoll għal koppji fejn ġenitur wieħed biss jaħdem. L-In-Work Benefit jitħallas lill-ġenituri li jkunu jaħdmu u jkollhom tfal taħt it-23 sena li jgħixu magħhom. 

Il-pagament tal-In-Work benefit qed jingħata lil 24,427 familja b’investiment ta’ kważi erba’ miljun ewro. Dan se jitħallas lil 3 kategoriji: 

  • Koppji fejn it-tnejn jaħdmu bi dħul nett mill-impjieg ma jaqbiżx €50,000 fis-sena.
  • Koppji fejn wieħed mill-ġenituri jaħdem, bi dħul nett mill-impjieg li ma jaqbiżx €35,000 fis-sena.
  • Single parents li jaħdmu bi dħul nett mill-impjieg li ma jaqbiżx €35,000 fis-sena.

Carers Grant

Bi tkomplija mar-riforma fil-benefiċċji tal-carers, minn Jannar 2023 ġie introdott il-Carers Grant għall-ġenituri li ma jkunux jistgħu jaħdmu biex jieħdu ħsieb wild b’diżabilità severa ta’ 16-il sena jew aktar.

Il-wild irid ikun intitolat għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa minħabba li ma jkunx f’pożizzjoni li jaħdem. 

Il-benefiċċju beda bi €300 fis-sena, żdied għal €500 is-sena ta’ wara u mill-2023, tela’ għal nofs il-Paga Minima Nazzjonali netta.

Issa minn din is-sena, dan il-benefiċċju ġie estiż ukoll għall-ġenituri li ma jkunux jistgħu jaħdmu sabiex jieħdu ħsieb wild b’diżabilità severa taħt is-16-il sena.

Is-Sur Musù spjega li l-pagament tal-Carers Grant ta’ din il-ġimgħa se jsir lil 539 benefiċjarju b’investiment ta’ ftit aktar minn €1 miljun. Fosthom hemm 409 benefiċjarji li diġà qegħdin jirċievu l-Grant u allura l-pagament ikopri l-aħħar tliet xhur, kif ukoll 130 benefiċjarju ġdid li għandhom tfal b’diżabilità severa taħt is-16-il sena u li se jirċievu l-pagament b’lura minn Jannar 2025. 

Dan in-numru jista’ jiżdied għaliex għad hemm numru ta’ applikazzjonijiet pendenti li jridu jiġu evalwati mill-bord inter-professjonali.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Falzon qal li familja soda hija soċjetà soda. Semma kif dawn il-miżuri, partikolarment dik tal-In-Work Benefit, huma ta’ sostenn kbir għall-familja. 

Il-Ministru Falzon tenna wkoll li l-miżura tal-Carers Grant hi eżempju klassiku ta’ kif għandha taħdem il-politika, ta’ kif tinkludi lil kulħadd u li tkun hemm għal dawk li l-aktar għandhom bżonn. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport