Thursday, April 10, 2025

Fi tmiem din il-ġimgħa se jitħallsu l-pagamenti tal-In Work Benefit u l-Carer’s Grant

Aqra wkoll

Fi tmiem din il-ġimgħa qegħdin jitħallsu żewġ benefiċċji soċjali oħra li jinkludu l-In Work Benefit u l-Carer’s Grant, liema benefiċċji ġew introdotti minn dan il-gvern, u baqgħu jissaħħu minn sena għall-oħra. Iktar minn hekk, matul is-snin twessgħu t-thresholds sabiex aktar persuni jkunu eliġibbli għal dawn il-benefiċċji.

Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u d-Direttur Ġenerali, George Cremona.

“Din hija l-politika li verament qed tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Dawn ir-riżultati huma frott ta’ konsistenza, investiment kontinwu u reżiljenza li urejna tul żminijiet li ma kienux faċli,” stqarr il-Ministru Michael Falzon waqt li ta spjega ta’ dawn iż-żewġ miżuri distinti.

Il-pagament tal-In Work Benefit li se jsir fi tmiem il-ġimgħa huwa l-ewwel  pagament għal din is-sena u jkopri l-ewwel tliet xhur tas-sena. Ser ikun qed jingħata lil aktar minn 23,265 familja b’investiment ta’ kważi €3.6 miljun. L-investiment għal dan il-benefiċċju huwa stmat li f’sena jilħaq is-€16-il miljun.

Permezz ta’ miżura tal-Budget 2025 li issa qed titwettaq, dan il-benefiċċju qiegħed jinjora wkoll il-ħlas tat-taxxa minbarra l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. B’hekk issa d-dħul li qed jittieħed mill-impjieg huwa dak nett. Dan il-benefiċċju, li jitħallas b’rati differenti, ġie introdott għall-koppji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u għas-single parents li jaħdmu. Aktar tard ġie estiż ukoll għall-koppji fejn ġenitur wieħed biss ikun jaħdem.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali, George Cremona, tkellem dwar il-Carer’s Grant, benefiċċju ieħor li daħħal dan il-gvern fl-2021 u li kompla jiżdied, tant li minn Jannar ta’ din is-sena tela’ għal €5190.00 fis-sena. Dan ifisser li min hu eliġibbli, din is-sena ser jirċievi €1,297.50 kull tliet xhur.

B’miżura tal-Budget 2025, dan il-grant se jkun estiż ukoll għall-ġenituri ta’ tfal taħt is-16-il sena, liema ġenituri ma jkunux jistgħu jaħdmu biex jieħdu ħsieb uliedhom b’diżabilità severa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport