Miktub minn VICTOR VELLA
Sas-sena 2050, iġifieri tletin sena oħra, ħafna partijiet mill-Mediterran, fosthom żoni sostanzjali ta’ art agrikola se jkunu qed ibatu minn medja ta’ nixfiet għal mill-inqas sitt xhur fis-sena. Hu kunsidrat ukoll li l-ammont ta’ jiem li t-temperaturi se jkunu għoljin ħafna huma mistennija li jiżdiedu wkoll. Dan qed jitqies bħala li se jkun ta’ dannu għas-settur turistiku fiż-żoni tal-Mediterran.
Rapport dettaljat li sar minn kumpanija Amerikana, McKinsey, intitolat “A Mediterranean basin without a Mediterranean Climate?”, juri b’mod ċar ħafna kif se jkun affettwat il-Mediterran. Din il-kumpanija għażlet il-Mediterran minħabba li dan ir-reġjun hu espost għal temp estrem. Mill-istudju jirriżulta li “t-temperturi fil-Mediteran żdiedu b’1.4 grad komparat ma’ kemm żdiedet il-medja globali li kienet ta’ 1.1 grad. L-istudju qed juri li sas-sena 2050, it-temperatura fil-Mediterran se tkun qed tiżdied b’1.5 grad ieħor. Dan ifisser li l-ammont ta’ djar li se jkollhom temperatura massima ta’ aktar minn 37 grad se jiżdiedu u se jirdoppjaw f’ċerti żoni bħal dawk fl-Afrika ta’ Fuq, in-nofsinhar ta’ Spanja u n-nofsinhar tat-Turkija.
Mill-istudju jirriżulta li se jkun hemm nixfiet fl-Italja, Portugall, Spanja, il-Greċja u t-Turkija. Il-pressjoni fuq il-provvisti tal-ilma se jiżdiedu fil-Greċja, il-Marokk u Spanja. Hu previst ukoll li se jiżdied ċertu mard bħal ‘West Nile Virus’.