Sunday, December 22, 2024

FIĊ-ĊENTRU NŻOMMU L-UMANITÀ

Aqra wkoll

Is-sena 2024 kienet sena oħra ta’ kunflitti. Kienet sena ukoll fejn komplejna naraw nuqqasijiet kbar fit-tmexxija  tal-akbar pajjiżi fid-dinja. Komplejna naraw l-Istati Uniti u anke l-Unjoni Ewropea aktar moħħhom fuq kerm se jagħtu armamenti lill-Ukrajna. Rajna ukoll nuqqas kbir ta’ rieda biex jintemm il-kunflitt f’Gaża u żoni oħra madwar id-dinja.

Is-sena 2024 rajna l-kunflitti jinfirxu.  Il-gwerra fl-Ukrajna u l-atroċitajiet kontinwi f’Gaża ikkaratterizzaw is-sena li għaddiet.   Dan apparti kunflitti oħra f’żoni oħra madwar id-dinja.  Is-sena 2025 għad irridu naraw x’se toffri. Żgur li l-pressjoni mill-kumpaniji kbar tal-armi se tibqa’ hemm. Il-mistoqsija li tqum hi x’se tkun id-direzzjoni li se tieħu l-istati Uniti meta Donald Trump jieħu it-tmun f’idejh.

 Apparti l-kunflitt fl-Ukrajna u Gaża, hemm żoni oħra b’kunflitt u li dan mistenni jkompli fis-sena 2024. Hemm il-kunflitt fis-Sudan u fin-nofsinhar tas-Sudan, fil-Burkina Faso, Myanmar, il-Mali, is-Somalja, in-Niger, il-Mali u l-Etjopja. Ma’ dawn hemm il-kunflitt fir-Repubblika.tal-Congo. Kunflitti li fihom qegħdin imutu persuni innocenti.

Matul din-sena rajna il-pjaga tal-inflazzjoni tikkalma. Illum qegħdin nitkellemu fuq inflazzjoni baxxa madwar id-dinja. Din iżda ħalliet l-effett tagħha. Kienet mewġa ta’ inflazzjoni li żiedet l-inugwaljanzi. Fejn dawk fil-qiegħ jew fin-naħa t’isfel komplew neżlin l-isfel. Dan waqt li kumpaniji kbar u korporazzjonijiet quddiem l-inflazzjoni li kienet qed taħkem lid-dinja spiċċaw żiedu b’mod qawwi l-profitti tagħhom. 

Matul din is-sena, kompliet ix-xejra ta’  żviluppi negattivi fejn jidħol l-estremiżmu. Rajna kif il-lemin estrem fl-Ewropa kumpla jgħolli rasu.  Wieħed irid jirrimarka li l-lemin estrem tal-lum hu differenti minn dak ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Hu estremiżmu li jagħti l-impressjoni li hu differenti minn dak ta’ snin ilu.  Minkejja dań hu estremiżmu li jitkellem fuq il-firdiet. 

Fejn tidħol l-immigrazzjoni rajna tkompli tipprevali s-sitwazzjoni fejn persuni vulnerabbli jaqsmu minn naħa ta’ Fuq ta’ l-Afrika jitħallew abbandunati f’nofs ta’ baħar u kienu qegħdin jinġabru minn bastimenti ta’ ngo’s. Spikkaw sitwazzjonijiet fejn immigranti damu jiem sħaħ,  bejn sema u ilma. It-traġedji ma naqsux fejn għal darba oħra rajna l-imwiet jiżdiedu meta wieħed iqabbilhom ma’ komm qasmu persuni. Mas-sitwazzjoni tal-immigranti fil-Mediterran wieħed ma jistax isemmi l-imwiet fid-deżert tas-Saħara. 

Tista’ tibqa’ sejjer issemmi avvenimenti oħra negattivi li seħħew madwar id-dinja fis-sena 2024. Nemmnu li d-dinja għandha titgħallem minn dawn l-esperjenzi negattivi. Il-lezzjonijiet qegħdin hemm u issa sta għal min hu fit-tmexxija u f’pożizzjoni li jwettaq li jeħodhom. 

Nemmnu li fejn jidħlu l-kunflitti, l-aggressjoni u l-vjolenza mhix is-soluzzjoni. Mhemmx dubju li kien żball kbir mir-Russja li tinvadi lill-Ukrajna, kif hu żball minn naħa tal-Punent u l-alleati tiegħu, li jeskludu kull possibilità ta’ diskussjonijieet u jibqgħu jinsistu għall-kunflitt. Wieħed ma jistenniex li l-Ukreni wara dak li għaddew minnu f’din l-invażjoni, se jaqblu malajr li jkun hemm diskussjonijiet għall-paċi. Nemmnu imma li waqfien mill-ġlied u irtirar ta’ truppi minn kull naħa għandha tkun fuq l-aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti u l-pajjiżi tal-punent. Bla dubju  soluzzjoni waħda hemm biex dan il-kunflitt jintemm – kif wieħed jitkellem fuq is-sigurtà għall-Ukrajna hekk ukoll irid jitkellem fuq is-sigurtà għar-Russja.

Minn dak li seħħ matul din is-sena qegħdin nibqgħu naraw dejjem aktar li l-bniedem – l-umanità m’għadhiex fiċ-ċentru ta’ kollox. Illum li sar importanti huma il-flus. Kemm se jkollok finanzi. Kemm korporazzjoni u kumpaniji se jagħmlu profitt. Aktar ma jżidu, aktar iridu. U din il-mewġa, illum qegħdin naraw tinfirex ‘lisfel.

Nemmnu li hemm bżonn li s-sistemi finanzjarji u ekonomiċi tal-Istati għandhom ikunu għas-servizz tal-poplu u mhux iservu primarjament lill-awtoritajiet, l-istess awtoritajiet li huma responsabbli għall-ġid komuni. F’din id-dinja tagħna llum qegħdin naraw dejjem aktar nies u kumpaniji sinjuri jaħtfu kemm jistgħu. Nemmnu li l-Istati iridu jaraw li jimmoderaw din il-kilba sproporzjonata ta’ ftit sinjuruni. 

Nemmnu li hu l-bniedem u l-ħaddiem  u  mhux il-flus li jridu jkunu l-mira ta’ kull ekonomija. Differenzi kienu u se jibqgħu jinqalgħu. Nemmnu li l-interessi ta’ dawk fin-naħa ta’ isfel, ta’ dawk vulnerabbli għandha titpoġġa fuq l-aġenda. Il-ġustizzja soċjali għandha terġa’ titpoġġa fuq quddiem tal-aġenda – ġustizzja soċjali li  tagħti każ lil min qed ibati, lil dawk bla leħen, lil dawk li qed jaħarbu, lil dawk mifnijin bil-mard. Il-politika ta’ ‘identity politics’ li ħolqot aktar diviżjoni fis-soċjetajiet madwar id-dinja, qed turi li falliet ma’ settori sħaħ ta’ nies li spiċċaw emarġinati. Nemmnu li d-dinja għandha tmur biex issaħħaħ l-ugwaljanza, xi ħaġa li ddgħajfet ħafna fl-aħħar snin. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport