Monday, May 13, 2024

“Fiċ-ċirkostanzi delikati tal-lum, min għamel l-allegazzjonijiet irid iġorr ir-responsabbiltà”

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela jirreaġixxi għall-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu u tal-Forzi Armati ta’ Malta mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u mill-għaqda Repubblika

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela qal li fiċ-ċirkostanzi delikati tal-lum, dawk li għamlu allegazzjonijiet li l-Forzi Armati ta’ Malta u hu kienu involuti b’xi mod fil-qtil volontarju ta’ immigranti, se jkollhom iġorru r-responsabbiltà għal dak li għamlu. 

F’intervista ma’ IT-TORĊA, fl-okkażjoni tal-mitt jum minn mindu leħaq Prim Ministru, Robert Abela stqarr li f’sitwazzjoni oħra kien iwieġeb li ma jistenniex aħjar minn dawn in-nies li ħadmu kontra pajjiżna. Madankollu, hu qal li fiċ-ċirkostanza delikata tal-lum, iwieġeb li dawn iridu jġorru r-responsabbiltà għal dak li għamlu. 

Fakkar kif il-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem stess ċaħdet talba li saret mill-istess persuni biex Malta tiftaħ il-portijiet tagħha, liema talba kieku milqugħa kienet twassal għal kriżi oħra f’pajjiżna. Għalhekk staqsa kif konna nkunu nistgħu niġġustifikaw li qed nagħlqu l-ajruport u l-portijiet għat-turisti biex ma ndaħħlux persuni infettati bil-virus f’pajjiżna, u fl-istess waqt indaħħlu mijiet ta’ immigranti fi xtutna. Staqsa wkoll kif stajna nibqgħu ngħidu lin-nies biex ma joħorġux għalxejn, u fl-istess waqt ikun hemm mijiet ta’ immigranti irregolari jiġru fit-toroq tagħna?

Madankollu, il-Prim Ministru baqa’ jenfasizza li l-immigranti rregolari jistħoqqilhom kull umanità, dinjità u rispett, bħala bnedmin daqsna u bħalna. Qal li hu għalhekk li aħna bħala pajjiż dejjem bqajna naqdu l-obbligi ta’ ko-ordinazzjoni tas-salvataġġ tagħhom u għamilna anke iżjed minn dak li għandna l-obbligu li nagħmlu.

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru qal li dak li sar minn min evidentement ma jħobbx lil pajjiżu għenu biex ikun aktar reżolut, sod u deċiż li jibqa’ jiddefendi bis-saħħa lil pajjiżna u lill-Għawdxin u lill-Maltin kollha.

L-aktar azzjoni konkreta kienet il-ġudizzju tal-poplu

Mistoqsi dwar x’azzjonijiet mistenni jieħu kemm-il darba jinstab li dawn l-allegazzjonijiet huma foloz, Abela qal li l-aktar azzjoni konkreta li diġà ttieħdet, u se tkompli tittieħed, hi l-ġudizzju tal-poplu Malti u Għawdxi. Qal li dawn qed jaraw min vera għandu l-interessi tal-pajjiż għal qalbu, u min b’mod konsistenti jipprova jimmina l-interess tal-poplu tagħna. Saħaq li l-poplu qed jara min ipprova jweġġgħu meta kien f’diffikultà, u min qed jiddedika kull farka enerġija biex fil-mument ta’ prova jkun hemm għal pajjiżu. 

Rigward il-każ innifsu, il-Prim Ministru Abela qal li jinsab iddispjaċut bl-azzjoni li ħoloq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Jason Azzopardi bl-appoġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni, f’mument tant delikat għall-pajjiż li kien jitlob li ma jsirx tfixkil insensat ta’ dan it-tip jekk vera għandha l-interess nazzjonali għal qalbna u jekk inħobbu lil pajjiżna. 

Abela qal li b’dak li għamlet, l-Oppożizzjoni mminat l-interess nazzjonali u ddemoralizzat lill-Forzi Armati ta’ Malta li qegħdin jagħmlu tant xogħol siewi biex iħarsu lil pajjiżna u lill-poplu tagħna. Spjega li dan fixkilhom milli jkomplu jiddedikaw il-ħin kollu tagħhom għax-xogħol siewi li kienu qegħdin jagħmlu. Qal ukoll li mbagħad kien inutli li wara l-Oppożizzjoni rrealizzat bl-iżball kbir li għamlet u issa qed tipprova tara kif se tbenġilha. Saħaq li l-ħsara laħqet saret u hi waħda kbira. Qal li ta’ dan trid tibqa’ terfa’ r-responsabbiltà għal dejjem. 

Rigward il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Prim Ministru qal li dawn jaħdmu lejl u nhar, bejn sema u ilma, anke f’maltempati, lil hinn minn xtutna u ’l bogħod minn familthom. Staqsa kif iridu Jason Azzopardi, Adrian Delia u Repubblika jibagħtu lil dawn in-nies għomorhom il-ħabs. Semma kif il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw aktar minn 13,000 ħajja minn fuq il-baħar fl-aħħar seba’ snin u għalhekk qal li dawn huma l-eroj tagħna. Saħaq li hu se jibqa’ jiddefendihom u jagħmlilhom kuraġġ biex ikomplu jaħdmu għal pajjiżna.

Il-Prim Ministru qal li minkejja li għalaqna l-portijiet, f’mument meta r-riżorsi tagħna huma kollha ddedikati biex inkomplu l-ġlieda kontra l-pandemija, il-Gvern xorta kompla joffri soluzzjonijiet umanitarji dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, u dejjem qeda l-obbligi tal-pajjiż. Mhux talli hekk, talli qal li anke erfajna u għadna nerfgħu waħedna piż akbar milli nifilħu. Għalhekk qal li jiddispjaċih li meta għamel minn kollox, u aktar milli minn kollox, biex isalva l-ħajjiet tal-immigranti u fl-istess waqt jipproteġi s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi, saru dawn l-akkużi li qatel diversi persuni u li għalhekk għandu jmur għomru l-ħabs.

L-ewwel mitt jum fit-tmun tal-pajjiż

Intant, mistoqsi dwar l-ewwel mitt jum li ilu fit-tmexxija ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu ta’ privileġġ u unur li qed iservi lil pajjiżna. Spjega li biex tmexxi lil pajjiżek, trid tkun tħobbu u qal li għalih kienet kisba kbira u sabiħa li rnexxielu jħares tajjeb ħafna s-saħħa tal-poplu tagħna f’dan iż-żmien li għaddejjin minnu. 

Ma naqasx ukoll milli jsemmi s-sodisfazzjon li tah anke l-Patt Soċjali bla preċedent li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali kollha fi ħdan l-MCESD u li serva biex il-Gvern seta’ mbagħad joffri pakkett b’saħħtu ta’ għajnuna finanzjarja.

Semma wkoll il-ftehim mal-Oppożizzjoni li wassal għall-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid, fejn il-qbil li ntlaħaq ma kienx biss fuq l-isem tal-persuna, iżda anke dwar il-metodu ħdid ta’ ħatra tal-ġudikanti, u l-metodu ta’ ħatra tal-Prim Imħallef eventwali.

Il-Gvern għaraf l-importanza tal-Patt Soċjali

Mistoqsi dwar l-impatt li ħalliet l-imxija tal-Coronavirus fuq pajjiżna u l-importanza li kellu l-Patt Soċjali bejn il-Gvern, l-unjins u l-imsieħba soċjali, il-Prim Ministru Abela qal li tant il-Gvern għaraf din l-importanza, li ħadem biex jintleħaq il-patt fejn il-Gvern investa ħafna biex iżomm lin-negozji u lill-impjiegi f’pajjiżna ħajjin, sakemm ma jerġgħu jibdew jiġru waħedhom. 

Abela qal li l-imxija tal-COVID-19 hi l-ikbar kriżi li laqtet lid-dinja mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn. Qal li f’Malta konna ppreparati, kemm mill-aspett mediku – fejn saru l-investimenti kollha biex tingħata l-aħjar kura possibbli, kif ukoll mill-aspett ekonomiku.

Saħaq li tal-inqas tliet aġenziji ta’ kreditu internazzjonali, aġenziji li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, għamlu analiżi dettaljata u wara din l-analiżi, faħħru lil pajjiżna proprju minħabba f’hekk. Spjega li dawn l-aġenziji ta’ kreditu kollha taw previżjoni stabbli għall-ekonomija ta’ pajjiżna wara li tgħaddi l-pandemija. Min-naħa l-oħra, qal li l-Fond Monetarju Internazzjonali mar pass lil hinn meta ħabbar li minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, Malta se tkun l-inqas li tħoss id-daqqa li se tħalli l-Covid-19.

Għalhekk, il-Prim Ministru qal li għandu fiduċja qawwija li se nirkupraw malajr u flimkien mal-imsieħba soċjali kollha, l-industrija u l-ħaddiema, se jaħdem id f’id, bħalma diġà qed jagħmel, biex naħarbu niġru mill-aktar fis.

“Xewqa li nara l-prosperità mill-ġdid u lin-nies kuntenti”

Rigward il-mod kif se jibdew jitneħħew il-miżuri restrittivi li kellhom jidħlu fis-seħħ minħabba t-tixrid tal-Coronavirus, il-Prim Ministru qal li dawn id-deċiżjonijiet se jittieħdu fuq bażi ta’ diversi fatturi, fosthom il-pariri mediċi li jingħataw u l-ħtiġijiet l-oħra li għandu l-pajjiż. Qal li kulħadd jixtieq li mmorru lura għan-normalità mill-aktar fis u anke hu għandu x-xewqa tiegħu li jara l-prosperità mill-ġdid fil-pajjiż u lin-nies kuntenti jgawdu l-ħajja. 

Qal li bħala Gvern għandu u qed jaħdem fuq pjan għal wara l-COVID-19.

Spjega li t-tnaqqis tal-miżuri għalhekk irid isir b’mod gradwali iżda wkoll b’mod tempestiv, li jfisser li ma rridux inkunu kmieni wisq fit-tneħħija tal-miżuri kollha, iżda fl-istess waqt lanqas tard wisq.

F’dan ir-rigward staqsejnieh ukoll dwar l-industrija tat-turiżmu li hi l-aktar waħda li ntlaqtet minn dan il-virus. Abela qal li l-industrija tat-turiżmu se tiddependi minn deċiżjonijiet li jrid jieħu l-Gvern, iżda wkoll se tiġi kkundizzjonata minn dak li se jiġri f’pajjiżi oħra fuq diversi fronti. 

Hu qal li bl-ajruport magħluq, il-Gvern intervjena minnufih biex jgħin lill-industrija tat-turiżmu, bħala waħda milquta b’mod kritiku, billi ħareġ €800 fix-xahar għas-salarji tal-ħaddiema biex jinżammu l-ħaddiema fl-impjieg, filwaqt li l-operaturi fis-settur jibqgħu fuq saqajhom. Qal li dan kien wieħed fost l-inċentivi li nħataw.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab iddispjaċut bl-azzjoni li ħoloq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Jason Azzopardi bl-appoġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru qal li fost l-ewwel tnaqqis ta’ miżuri restrittivi li rridu nieħdu, hemm dawk li jwasslu biex jinfetaħ is-suq intern ta’ pajjiżna, jiġifieri s-suq lokali, ħalli jiżdied il-konsum lokali. Qal li dan se jkun kruċjali, partikolarment sakemm it-turiżmu jerġa’ jibda jirpilja.

Fl-istess waqt, hu qal li għaddejja ħidma permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex jiġu mnedija diversi kampanji f’pajjiżi differenti biex meta niftħu l-ajruport, pajjiżna jkun minn ta’ quddiem ħalli nerġgħu nattiraw it-turisti bħalma konna nagħmlu qabel ma bdiet il-pandemija.

“Il-kunċett tal-UE hu li l-pajjiżi jkunu hemm għal xulxin”

Rigward l-Unjoni Ewropea u n-nuqqas ta’ appoġġ fir-rigward tal-kwistjoni tal-immigrazzjoni, il-Prim Ministru beda billi qal li l-kunċett tal-Unjoni Ewropea hu li l-pajjiżi jkunu hemm għal xulxin, peress li Ewropa magħquda tkun ħafna aktar b’saħħitha milli Ewropa maqsuma u għal rasha. Saħaq li dan hu l-prinċipju tas-solidarjetà.

Il-Prim Ministru qal li diġà rajna l-Ewropa li rreaġixxiet relattivament bil-mod dwar l-imxija ta’ Covid-19, tant li kellha tagħmel apoloġija lil pajjiżi bħall-Italja u Spanja. Min-naħa l-oħra, qal li jifhem li din il-pandemija ħasdet lil ħafna, anke billi ġiet fuq l-Ewropa malajr.

Rigward l-immigrazzjoni qal li ġara l-istess. Qal li Malta ilha żmien twil twassal il-messaġġ li ma nistgħux nitħallew waħedna nerfgħu dan il-piż. Qal li fl-aħħar mill-aħħar, qed nitkellmu dwar fruntieri tal-istess Unjoni Ewropea, iżda sostna li dwar dan is-suġġett, ħadd ma jista’ jgħid li wasal għall-gharrieda.  

Abela qal li Malta ilha titkellem, fost l-oħrajn dwar l-importanza li nindirizzaw il-problema minn fejn qed jitilqu l-immigranti, mis-sors. Qal  ukoll li bħala pajjiż tlabna li jkun hemm operazzjonijiet serji u ko-ordinati fil-konfront ta’ din l-attività kriminali u li fl-aħħar mill-aħħar il-pajjiżi Ewropej kollha jgħinu u jġorru parti mill-piż. Saħaq li l-immigrazzjoni mhix problema ta’ Malta u tal-Italja biss, iżda problema Ewropea. Għalhekk qal li bħala problema Ewropea hemm bżonn li jkun hemm soluzzjoni Ewropea wkoll. Għaldaqstant, il-Prim Ministru qal li pajjiżna se jibqa’ jagħmel il-pressjoni li hemm bżonn biex din il-kwistjoni ma tibqax biss item fuq l-aġenda, iżda tittieħed azzjoni konkreta.

“Gvern b’ħeġġa biex inżidu s-suċċessi għall-poplu”

Mistoqsi dwar kif iħares lejn il-futur ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab ottimist u pożittiv li se noħorġu minn dan il-mument aktar malajr milli ħsibna, u anke aktar b’saħħitna. Qal li jemmen li dan se jiġri għax għandu fiduċja sħiħa fil-ħiliet tal-poplu u tan-negozji tagħna. Għalhekk qal li l-Gvern irid ikompli jara kif jinċentiva t-tkabbir ekonomiku u x-xogħol ħalli nerġgħu naqbdu l-istess ritmu li wasslna għal tant riżultati sbieħ. 

Qal ukoll li bl-istess mod irridu nieħdu ħsieb li nkomplu nwettqu r-riformi meħtieġa, fl-istituzzjonijiet tagħna, fil-ħarsien tal-ambjent, fl-infrastruttura u fl-edukazzjoni fost l-oħrajn.

Finalment, Robert Abela qal li jinsab konvint li se naslu, għax il-poplu Malti għatxan biex ikompli jikseb aktar. Qal li b’konvinzjoni jemmen li hekk se nkunu qed nagħmlu. Fuq kollox, hu qal li jinsab kburi li qed imexxi Gvern li għandu ħeġġa kbira biex iżid is-suċċessi għall-poplu tagħna.

Sport