Saturday, July 12, 2025

FIDUĊJA AKBAR FIL-KORP TAL-PULIZIJA

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar snin, il-Korp tal-Pulizija għadda minn perjodu ta’ trasformazzjoni u modernizzar li wassal biex tikber il-fiduċja fil-Korp u l-effiċjenza u l-effettività fl-operat tiegħu. Dan seħħ billi l-Korp saħħaħ l-istrutturi tiegħu, introduċa servizzi u taqsimiet ġodda u anke investa f’iżjed riżorsi umani bl-intiża li l-pulizija jkunu eqreb taċ-ċittadin u b’hekk tiżdied is-sigurtà fil-komunitajiet tagħna. 

Għalhekk, fl-isfond li llum qed jiġi mfakkar Jum il-Pulizija, ikun xieraq li nieqfu ftit u nirriflettu dwar ħidmet il-pulizija fl-ibliet u l-irħula, xogħol li mhux nieqes mill-isfidi u jirrikjedi dedikazzjoni kbira iżda li jġib miegħu wkoll bosta sodisfazzjon.

F’dan ir-rigward, l-istatistika qiegħda turi li l-ħidma tal-pulizija wasslet biex battiet il-kriminalità f’Malta u Għawdex u l-arrest ta’ dawk li jwettqu r-reati qed isir b’mod aktar immedjat. Huwa wkoll ta’ min ifaħħar il-fatt li ħafna mill-omiċidji qed ikunu solvuti fi żmien pjuttost qasir.

B’dan, il-Korp tal-Pulizija mhux biss qed jirnexxielu jżid ir-rispett tal-poplu lejh kif jidher minn stħarriġ tal-Eurobarometer iżda qiegħed ukoll jikklassifika fost l-aktar istituzzjonijiet li jgawdu l-fiduċja tal-poplu fil-gżejjer tagħna. 

Riżultati bħalma huma dawn iżda ma kinux jinkisbu mingħajr id-dedikazzjoni u l-ħidma tal-membri tal-korp infushom. Għalhekk nifhmu li l-Gvern, min-naħa tiegħu, jinsab impenjat li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet u l-benesseri ta’ dawn il-ħaddiema billi jassigura s-sigurtà tagħhom u jipprovdilhom kull opportunità biex ikomplu jikbru professjonalment.

Filwaqt li napprezzaw u napplawdu l-avvanzi kollha li saru fosthom il-community policing, il-hub tal-vjolenza domestika f’Santa Luċija, it-twaqqif tar-Roads Policing Unit, li lkoll kienu importanti ferm u huma xhieda tat-trasformazzjoni kontinwa li għaddej minnha l-Korp, madankollu ma jfissirx li m’hemmx x’wieħed jikkritika fil-Korp. Dażgur li hemm, u għad jibqa’ jkun hemm kritika anki partiġġjana.

Il-qasam tas-sigurtà taċ-ċittadini fil-komunità u ’l barra minnha, huwa wieħed dinamiku u għalhekk jirrekjedi li r-rispons ikun wieħed mgħaġġel u mmedjat. Għalhekk ukoll jeħtieġ li l-investiment f’dan is-settur ikompli jsir kif għandu jkun ħalli s-sigurtà tan-nies li jgħixu f’dawn il-gżejjer tkun iktar konkreta li twassal għal serħan il-moħħ akbar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport