L-istħarriġ li qegħdin nippubblikaw llum juri b’mod ċar ħafna kif il-Prim Ministru Robert Abela qed igawdi fiduċja b’saħħitha fost l-elettorat Malti. L-istħarriġ inħadem proprju fil-jiem li kienet għaddejja l-kontroversja dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Ir-riżultat tal-istħarriġ juri li l-Partit Laburista jirreġistra tnaqqis fl-appoġġ meta mqabbel mal-elezzjoni ġenerali li saret proprju bħal dan iż-żmien sena. Minkejja dan imma l-istħarriġ qed juri maġġoranza kbira favur il-Partit Laburista. L-istess stħarriġ juri distakk qawwi fil-fiduċja bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Filfatt il-Prim Ministru għandu fiduċja ta’ 45.2 fil-mija waqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu fiduċja għal 26.7 fil-mija. Dań ifisser li d-distakk bejn il-mexxejja hu ta’ 18.5 fil-mija. Jekk nieħdu l-partiti naraw li
d-differenza bejn il-partiti politiċi hija ta’ 9.7% favur il-Partit Laburista.
Quddiem stħarriġ bħal dan u r-riżultati tiegħu tqum il-mistoqsija kif f’dan iż-żmien daqshekk ta’ sfidi, il-partit fil-Gvern għad għandu dan l-appoġġ qawwi. Mistoqsija leġittima għall-aħħar meta wieħed iqis li hi normali li Partit fil-gvern xi ftit jew wisq jitlef mill-appoġġ li jkollu.
Nemmnu li din il-fiduċja ġejja minn diversi fatturi. Fost il-fatturi nemmnu li l-poplu qed jagħraf li minkejja l-isfidi li qed niffaċċjaw fsothom dawk maħluqin mill-invażjoni tal-Ukrajna, il-pajjiż xorta waħda qed jibqa’ għaddej u qed jibda jinħoloq il-ġid. Nemmnu li l-poplu qiegħed jagħraf li minkejja l-isfidi li jeżistu, meta jiġi biex jagħżel qed jagħżel lill-Partit Laburista.
Fost hemm ir-raġunijiet hemm li jekk wieħed iħares lejn il-Partit Nazzjonalista, hemm dubji kbar kemm dań jista’ jkun alternativa serja. Imma jekk wieħed iħares lejn il-prestazzjoni tal-Gvern, waqt li kien hemm affarijiet li setgħu saru ferm aħjar, wieħed ma jistax ma jirrikonoxxix li l-ekonomija baqgħet miexja ‘l quddiem.
Rajna l-ekonomija tkompli tikber. Is-sena l-oħra l-ekonomija Maltija mhux biss kibret bi kważi 7 fil-mija meta mqabbla mas-sena 2021 iżda kibret b’rata li hija d-doppju ta’ dak fiż-Żona Ewro. F’termini finanzjarji dan it-tkabbir fl-ekonomija ta’ pajjiżna jammonta għal kważi biljun Ewro.
Ma’ dan wieħed irid iżid ir-rata ta’ qgħad baxxa u benefiċċji u għajnuniet li ngħataw lil min hu vulnerabbli.
Jekk nagħtu ħarsa lejn x’qed jiġri f’pajjiżna qribna naraw protesti kbar kontinwi. Protesti bil-vjolenza bħal dawk fi Franza u l-Greċja.
Nemmnu imma li l-poplu hu konxju li l-gvern bħal kull gvern se jiżbalja. Il-poplu jistenna u jagħraf li l-gvern u l-esponenti tiegħu jitgħallmu minn dank l-iżbalji. Il-poplu jaf u nemmnu li għalhekk għadu jagħtu fiduċja b’saħħitha, li għandu gvern li ma jiddejjaqx jieħu d-deċiżjonijiet.
Rajna l-gvern jieħdu deċiżjonijiet fil-pandemija, waqt il-gwerra tal-Ukrajna u deċiżjonijiet oħra b’rabta mal-kontroll tal-inflazzjoni. Deċiżjonijiet li ħafna drabi servew biex il-Gvern refa’ piż hu.
Nemmnu li l-poplu hu konxju ukoll ta’ sfidi li għandu quddiemu pajjiżna. Sfidi li jvarjaw minn dawk fis-suq tax-xogħol, għal dawk soċjali u ambjentali. Nemmnu li l-poplu hu konxju li dawn l-isfidi jistgħu jintgħelbu biss bi gvern b’saħħtu u li jiddeċiedi. Gvern li jħares ‘l quddiem. Hu propju għalhekk li l-poplu meta jitfa’ kollox fil-miżien, qed jara lill-Gvern Laburista bħala l-aħjar għażla.