Friday, November 21, 2025

Fiduċja dejjem tikber fl-ekosistema diġitali u innovattiva ta’ pajjiżna – il-Prim Ministru Robert Abela waqt it-TECHXPO25

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela għamel żjara uffiċjali waqt it-tielet edizzjoni tat-TECHXPO25, li qed issir fl-MFCC Ta’ Qali bit-tema “Connecting Innovation, Shaping Tomorrow”. Dan l-avveniment annwali jiġbor taħt saqaf wieħed mexxejja fl-industrija, start-ups innovattivi, entitajiet tal-pubbliċi, professjonisti, studenti u akkademiċi, bl-għan li jesploraw l-aħħar żviluppi fid-diġitalizzazzjoni, l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) u teknoloġiji emerġenti li qed ibiddlu l-mod kif naħdmu u ngħixu.

Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru nnota b’sodisfazzjon kif it-TECHXPO tirrifletti l-fiduċja li dejjem qed tikber fl-ekosistema ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mas-settur diġitali u l-innovazzjoni.

Il-Prim Ministru saħaq kif l-impenn tal-Gvern lejn futur dejjem aktar diġitali u innovattiv huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050 – Viżjoni li se tmexxina lejn pajjiż fejn l-għodod diġitali jwasslu għal titjib fill-ħajja ta’ kuljum, u fejn iċ-ċittadini jħossuhom kunfidenti jużawhom. Huwa sostna li din mhijiex aspirazzjoni futuristika, iżda realtà li diġà qed tinbena permezz ta’ investimenti konkreti.

Pajjiżna qed jinvesti b’mod strateġiku f’setturi ta’ valur miżjud għoli permezz tad-diġitalizzazzjoni, is-setturi tal-gaming, l-manifattura, is-settur marittimu, u dak tal-avjazzjoni, il-fintech, u l-ekonomiji blu u ħadra.

Filwaqt li t-trasformazzjoni teknoloġika mixja ’l quddiem, l-għan ewlieni tal-Gvern jibqa’ wieħed – dak li jtejjeb l-kwalità tal-ħajja. Permezz tal-programm tal-AI għal Kulħadd, il-Gvern se jkun qed joffri taħriġ u ċertifikazzjoni b’xejn għall-istudenti, ġenituri, ħaddiema u anzjani. Kull min itemm dan it-taħriġ se jkun qed jingħata sottoskrizzjoni bla ħlas għal servizz ta’ AI bħall-ChatGPT jew Gemini.

Intant, Malta qed tkompli ssaħħaħ l-infrastruttura tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-innovazzjoni permezz ta’ DiHubMT, iċ-Ċentru Ewropew għal Innovazzjoni Diġitali li issa qed jospita madwar 50 start-up u jipprovdi aċċess għal għodod tal-AI, cloud services, cybersecurity u l-High-Performance Computer (HPC). L-investiment fil-HPC qed jippermetti lill-akkademiċi, studenti u intrapriżi jippruvaw simulazzjonijiet avvanzati u jiżviluppaw mudelli tal-AI lokalment.

Din iż-żjara mill-Prim Ministru Robert Abela saret wara li l-Ħamis ġiet imnedija l-Istrateġija Nazzjonali aġġornata dwar l-AI li se tiftaħ għall-konsultazzjoni pubblika u li tpoġġi lin-nies, il-ġid komuni u s-sostenibbiltà fiċ-ċentru tagħha. L-Istrateġija Nazzjonali dwar AI tħaddan pjan konkret ta’ kif l-AI se tkun qed issaħħaħ il-poplu Malti u Għawdxi, tappoġġa l-industriji u ttejjeb is-servizzi pubbliċi b’mod etiku, trasparenti u sigur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport