Sunday, December 29, 2024

FIDUĊJA FIL-ĠEJJIENI TAS-SETTUR TURISTIKU

Aqra wkoll

Fost il-pilastri ekonomiċi ta’ pajjiżna, it-turiżmu huwa ewlieni. Huwa ewlieni mhux biss għax iħaddem eluf ta’ nies fis-settur tal-ospitalita imma wkoll għax huwa sors ta’ dħul ta’ flus barranin f’pajjiżna. Fi ftit kliem, it-turiżmu huwa kruċjali għat-tkabbir tal-ekonomija nazzjonali.

Waqt il-pandemija pajjiżna bata mhux ftit għal fatt li naqas id-dħul għax minbarra li naqsu t-turisti, l-effetti li l-pandemija kellha fuq l-industrija tat-turiżmu kienu tremendi fis-sentejn li għaddew.

Fortunatament din is-sena rajna u għadna naraw irkupru tajjeb. Saħansitra ċifri għall-ewwel disa xhur ta’ din is-sena li waaslet biex tintemm juru li t-turisti li żaru Malta qabżu l-1.7 miljuni li bejniethom qattgħu mat-12-il miljun u 700 mitt elf lejl filwaqt li ħallew mal-biljun u nofs ewro fl-ekonomija. Huwa stmat issa li sal-aħħar tas-sena se jkunu żaru Malta aktar 2.2 miljun turist, żieda ta’ kważi 60 fil-mija mill-2012 ‘il hawn.

Tliet xhur ilu biss, f’Settembru, kellna żieda sostanzjali ta’ ftit inqas minn kwart ta’ miljun turist li żaru Malta. Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wriet li dawn nefqu b’kollox ftit aktar minn 253 miljun ewro, li tfisser medja ta’ 128 ewro għal kull jum.

Dawn iċ-ċifri ma jfissru xejn għajr li matul is-sena 2022 is-settur turistiku f’Malta wera u għadu juri sinjali qawwija li ħiereġ mill-problemi kkawżati mill-pandemija, wara sentejn diffiċli li kienu kjaratteriżżati minn restrizzjonijiet bla preċedent fil-qasam tal-ivvjaġġar.

Għalhekk, ma nistgħux ma nfaħħrux l-inizjattivi tal-Gvern biex dan is-settur mhux biss żamm fiħ lill-ħaddiema imma wkoll biex tkun imsaħħa l-konnettivita u r-rotot lejn pajjiżna. Is-sena 2022 hija xiehda ta’ dan is-suċċess.

L-irkupru b’saħħtu li qed naraw f’dan is-settur għandu għax jimlina b’ottimiżmu u jtina aktar kuraġġ biex pajjiżna jaħdem iktar ħalli Malta tkompli tkun destinazzjoni ewlenija mhux biss fil-Mediterran imma wkoll fl-Ewropa.

B’danakollu, m’għandniex bħala pajjiż inserrħu biss fuq dan is-suċċess li ksibna f’settur li jiddiversfika ruħu. Għax bħalma pajjiżna għamel waqrt kriżi u diffikultajiet jeħtieġ li nkomplu nibnu fuq dak li sar biex dan is-settur ikompli jikber.

F’dan il-kuntest ukoll, jeħtieġ li l-ħidma tkompli biex pajjiżna jsir iktar nadif u ospitabbli. Dan mhux biss għat-turisti li ta’ kull sena jżuru pajjiżna imma wkoll biex il-Maltin jgħixu f’pajjiż dejjem aħjar u sigur.

Il-passat mera tal-futur u għalhekk aħna fiduċjużi li kemm l-Awtorita tat-Turiżmu kif ukoll il-Gvern, flimkien mal-operaturi kollha se jkomplu jkunu katalisti biex is-settur turistiku f’pajjiżna jkompli jikber u jiffjorixxi.

Ekonomija

Sport