Wednesday, October 9, 2024

Fiduċja fil-ħaddiema tas-settur tas-saħħa

Jikteb il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela

Aqra wkoll

Ilu dawn l-aħħar xhur, l-oppożizzjoni Nazzjonalista għaddejja b’messaġġi li jaqtgħu qalb il-ħaddiema tas-saħħa u fl-istess ħin itellfu l-fiduċja tan-nies fis-servizzi li huma qed joffru b’tant għaqal u ħila.

L-agħar attakk fuq is-sistema tas-saħħa tagħna wasal fi tmiem ix-xahar l-ieħor mal-mewt tas-sur Stephen Mangion.  Bħal-leħqa ta’ berqa ġriet il-fake news imxandra fuq facebook minn user bl-isem ta’ ‘Manwel Debono’.  Wara li ħolqot l-allarm publiku ntenzjonat, il-paġna ta’ dan il-user sparixxiet.  

Minn din il-fake news, agħmel kapital politiku l-ex-membru parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, Dr Jason Azzopardi.  F’dagħdija ta’ opportuniżmu politiku, ikkapitalizza mill -mewt ta’ persuna u b’referenza għall-mewt tas-sur Stephen Mangion, Dr. Azzopardi kiteb hekk “Ara ma jigix xi ostru jghidli li dan mhux omicidju involontarju (manslaughter)!!!!”  Il-post ta’ Dr. Azzopardi spiċċa hekk: “Issa qed TOQTLUNA għax MA JIMPURTAKOMX.”  Dawn huma kliem irresponsabbli, ntenzjonat biss biex joħloq allarm fil-poplu u sfiduċja fil-ħaddiema  tad-Dipartiment tal-Emerġenza li issa hu kkonfermat, għamlu xogħolhom.

Ix-shadow ministers l-Onor. Dr Adrian Delia u l-Onor Ian Vassallo Hagi ħadu rikba wkoll fuq din l-aħbar kerha, bla ebda rimors lejn il-mument ta’ dulur li l-familjari tal-mejjet kienu għaddejjin minnu.  F’konferenza tal-aħbarijiet mgħaġġla, inqdew b’din il-mewt biex iwasslu l-messaġġ li l-poplu kollu kien irrabjat, li s-settur kien fi kriżi li “d-dipartiment tal-emerġenza kien f’emerġenza”.  

Imma wara dan l-isħab kollu iswed fuq il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Emerġenza, iż-żejt tela’ f’wiċċ l-ilma.  Il-Maġistrat li għamel l-inkjesta, Dr Joe Mifsud, ikkonkluda “li ma kien hemm l-ebda negligenza min-naha tat-tobba fil-kura moghtija lil Stephen Mangion.”

Dan u ħafna aktar qtigħ il-qalb li spiss jintqal mill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista u oħrajn kontra l-kwalità tas-saħħa ipprovduta f’pajjiżna ma jagħmilx ġieħ lil min qed ixerrdu.  Aktar u aktar, għax filwaqt li nkissru s-servizz robust li għandna fis-saħħa, l-oppożizzjoni Nazzjonalista ma tressaq ebda alternattiva ħlief kliem fieragħ.  Anzi, f’dibattitu televiżiv fuq stazzjon privat, filwaqt li ressaqt il-viżjoni tiegħi għad-Dipartiment tal-Emerġenza u kif is-settur kollu tas-saħħa għandu jiżviluppa fis-snin li ġejjin, ir-reazzjoni tal-Onor. Delia kienet biss li hu jaqbel ma dak kollu li għidt.

Il-viżjoni tal-Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela spjegajta kemm il-darba.  Li kieku mhux qed insibu ċertu reżistenza, kieku ċertu miżuri diġa qed naraw il-frott tagħha.  Għax il-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa jafu li aħna għandna fiduċja fihom, jiena ċert li sejrin naslu biex is-servizz tas-saħħa ġewwa pajjiżna ikompli jitjieb.

Il-poplu Malti u Għawdxi għandu jserraħ rasu li ġewwa id-Dipartiment tal-Emerġenza, kien, għadu u ser jibqa’ jsib professjonisti determinati li jgħinu kull pazjent li jirrikorri hemmhekk, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi.  Anke il-Maġistrat inkwerenti, fil-konklużjoni tiegħu kiteb hekk: “waqt l-access sab (il-Maġistrat) operaturi tas-saħħa determinati li jagħmlu dak kollu possibli biex isalvaw il-ħajjiet anke meta jkun hemm meħtieg ħidma aktar minħabba inċidenti serji f’inħawi varji tal-pajjiż kif kien il-jum meta tilef ħajtu Stephen Mangion.”

Dawn huma l-ħaddiema fid-Dipartiment tal-Emerġenza u f’kull dipartiment ieħor li joffri servizz tas-saħħa: ħaddiema bieżla, professjonali, determinati li jkomplu jgħollu l-istandards tas-servizz offrut. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport