Ħafna drabi biex nagħmlu ħoss, ikun hemm min jista’ jaqa’ fin-nasba ta’ attakk personali fuq persuna jew persuni partikolari li minkejja li f’attakki kontinwi fuqhom dak li jkun jista’ jikseb ċertu fama fuq il-midja, ftit li xejn ikun hemm tagħrif tal-ħidma proprja tagħhom minn wara l-kwinti.
Fl-aħħar jiem irrappurtajna dwar l-ewwel diskussjonijiet fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, liema Kunsill kien qiegħed jitmexxa minn Presidenza Maltija. Kemm Vanessa Frazier u kif ukoll il-Ministru Ian Borg t-tnejn irċevew rispons pożittiv ħafna mir-rappreżentanti internazzjonali li tkellmu waqt id-diskussjonijiet u elenkaw numru ta’ sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati qabel ikun tard wisq. Il-protezzjoni tat-tfal minn kunflitti bl-armi u t-tibdil fil-klima kien hemm qbil dwar il-fatt li bihom Malta qiegħda tolqot il-musmar fuq rasu. Is-suġġetti jiftħu ferm iżjed minn hekk u fost affarijiet oħra mal-kunflitti jidħlu wkoll tfajliet li jisfaw abbużati minħabba s-sempliċi fatt li huma nisa. Hemm oħrajn f’riskju akbar minħabba d-diżabbilitajiet. Bi strateġiji ta’ inklużjoni pajjiżna fl-aħħar xhur saħaq li l-ebda persuna m’għandha tkun żvantaġġjata minħabba l-vulnerabbiltà tagħha, aħseb u ara fejn jidħlu dawn il-kunflitti.
Imma t-tim Malti ma jiqafx biss ma’ dawn iż-żewġ persuni li kienu fuq is-siġġu waqt id-diskussjonijiet. Huma stess saħqu li warajhom hemm tim impekkabbli ta’ rappreżentanti Maltin li ilhom xhur sħaħ issa għaddejjin bla nifs biex f’dawn id-diskussjonijiet li mistennija jkomplu fil-jiem li ġejjin, Malta toħroġ rasha mgħollija u verament tipprova tindirizza sfidi li qegħdin iwasslu għal persuni li jbatu minħabba tkaxkir tas-saqajn fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Għalkemm sfortunatament fl-aħħar ġimgħat dan l-istess tim Malti kien mistoqsi ħafna mistoqsijiet dwar xi spejjeż hemm relatati mal-presidenza ta’ dan il-Kunsill, nemmnu li tali domandi kienu ta’ insult għall-ħidma kontinwa tagħhom. Ftit tal-ġimgħat ilu waqt li ħafna minna kienu miġburin mal-familji tagħhom, dawn ir-rappreżentanti kienu daqstant ’il bogħod mill-għeżież tagħhom f’pajjiżna janalizzaw dokumenti li qabel jitressqu jridu jiġu approvati u li fihom kull, ittra jew forma ta’ punteġġjatura tista’ tkun kruċjali fin-negozjati tad-diskussjonijiet.
Biss biss tajjeb li nfakkru li dan il-Kunsill mhux qiegħed jiddiskuti biss ċertu punti li ilna nafu bihom. Dan il-Kunsill jeħtieġ li jaġġorna mal-isfidi okkorrenti b’tali mod li fost l-oħrajn kellu jiddevja l-ħidma tiegħu quddiem il-każ xokkanti tat-terremoti fit-Turkija u fis-Sirja. Għal dawn l-aħħar 12-il sena, is-Sirja kienet għaddejja b’kunflitti fejn apparti l-kriżi umanitarja, issa kellha kriżi fuq kriżi minħabba terremot fuq il-konsegwenzi tal-kunflitt.
Ir-reġjun milqut kellu problema kbira biex jirċievi assistenza umanitarja min-naħa tal-gvern għax jinsab f’reġjun li huwa kontrollat mir-ribelli. Il-Kunsill kellu jassigura ruħu li l-mekkaniżmu li kien ġie stabbilit sabiex tgħaddi assistenza umanitarja mit-Turkija għal gewwa l-majjistral tas-Sirja minħabba l-gwerra jibqa’ jiffunzjona mingħajr xkiel.
Minkejja li hemm min mhux talli mhux kburi b’din il-kisba Maltija, iżda anke ddubitaha minħabba l-fatt li Malta ma kinitx kkontestata tajjeb li nfakkru kif sar dan. Li kieku Malta kellha pożizzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ detriment għal pajjiżi oħra jew mhux ta’ min joqgħod fuqhom, pajjiżi oħra seta’ kellhom l-interessi tagħhom illi l-pożizzjoni tagħhom ma jkunux jixtiquha tiġi riflessa fl-istess Kunsill. Kien hemm perjodu ta’ snin li setgħu jikkontestawha iżda ma għamlux dan u dan juri li hemm fiduċja fil-grupp li Malta tista’ tmexxi l-prinċipji ewropej ’il quddiem.