Thursday, December 26, 2024

“Fiduċjuż li malli jgħaddi l-Covid19 l-ekonomija tirkupra”

Aqra wkoll

Isostni dan il-President tal-GWU Victor Carachi fil-messaġġ għal Jum il-Ħaddiem; isemmi wkoll is-sitwazzjoni fil-Libja u l-immigrazzjoni

Il-Covid19, is-sitwazzjoni fil-Libja u l-immigrazzjoni irregolari kienu t-tliet temi ewlenin li tkellem dwarhom il-President tal-GWU Victor Carachi fil-messaġġ tiegħu għal Jum il-Ħaddiem iċċelebbrat madwar id-dinja fl-1 ta’ Mejju.

Carachi iddeskriva din is-sena bħala waħda li se tibqa’ mfakkra għal għexieren ta’ snin li ġejjin u se tinżel fl-istorja bħala s-sena meta n-nies f’ħafna pajjiżi kienu taħt theddida pandemika serja u meta l-ekonomija globali waqqfet zopptu.

Huwa irrimarka li t-theddida tal-pandemija globali minn virus fatali ma kinitx kwistjoni dwar jekk hux ħa tfaqqa iżda pjuttost kwistjoni ta’ meta u semma viruses oħra fil-passat riċenti li potenzjalment setgħu kellhom l-istess effetti qerrieda, jekk mhux aktar fatali, bħall-Avian Flu (H5N1), SARS, MERS, u l-Ebola. 

Carachi semma li fortunatament għall-umanità dawn ġew ikkontrollati jew permezz ta’ trattament bl-użu ta’ antivirals jew aħjar permezz ta’ tilqim f’xi każijiet.

Huwa sostna li l-virus Covid-19 (coronavirus), li l-ewwel ħareġ fil-belt ta’ Wuhan fiċ-Ċna, ħa lil ħafna pajjiżi b’sorpriża u mhux ippreparati u fi ftit ġimgħat kienu qed jiġu rrappurtati mwiet f’ħafna pajjiżi bl-ogħla rati ta’ mewt u infezzjonijiet jiġu rreġistrati mill-Italja u Spanja. 

“Fortunatament għalina l-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta ħadu l-passi kollha neċessarji biex itaffu din it-theddida tant li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) semmiet lil pajjiżna bħala mudell”.

Carachi esprima d-dieqa għall-mewt ta’ erba’ persuni b’dan il-virus għalkemm innota li bħala pajjiż mhux biss żammejna l-kurva baxxa. 

“Madankollu din it-theddida għadha ma ntemmitx. Irridu nibqgħu viġilanti u nkomplu nsegwu l-linji gwida maħruġa minn żmien għal żmien mill-awtoritajiet tas-saħħa”.

Is-sitwazzjoni ekonomika fi stadju delikat

Il-President tal-GWU irrefera wkoll għall-perspettiva ekonomika fejn irrimarka li s-sitwazzjoni hija delikata ħafna. 

Huwa semma kif is-settur tat-turiżmu jinsab f’qagħda wieqfa, il-lukandi, bars u restoranti kollha huma kompletament magħluqa ħlief għal dawk ir-ristoranti li joffru servizz ta’ take-away mentri setturi oħra wkoll ġew affettwati. 

Carachi irrefera għall-qasam tal-kostruzzjoni li għadu għaddej għalkemm b’pass aktar bil-mod, is-suq tal-propjetà li jinsab kważi wieqaf waqt li fuq in-maħa l-oħra setturi bħall-manifattura, is-supermarkets, ħwienet tal-merċa u l-industriji l-oħra relatati mal-ikel inkluż l-agrikoltura li jidhru li sejrin tajjeb.

F’dan ix-xenarju huwa faħħar lill-Gvern għall-ftehim li ntlaħaq mas-sħab soċjali kollha rappreżentati fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) bl-iffirmar tal-Patt Soċjali storiku. 

“Dan il-Patt Soċjali jiżgura li l-impjegati kollha, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom, li ġew affettwati mill-għeluq totali jew parzjali, jibqgħu jirċievu paga soċjali li hija ogħla mill-paga minima”.

Il-President tal-GWU kompla li m’hemmx għalfejn ngħidu li l-prestazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-aħħar seba’ snin kienu indispensabbli għall-Gvern biex ikun jista’ joħroġ bil-Patt Soċjali li kien kredibbli u li kellu miżuri sostenibbli biex jgħin l-industrija u l-impjiegi. 

Huwa rrimarka li dan żgur se jiżgura li ladarba l-miżura restrittiva introdotta għall-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus titneħħa, l-ekonomija tagħna terġa’ taqbad ir-ritmu.

Carachi kompla li wieħed kien jaħseb li din it-theddida għas-saħħa u s-sigurtà tagħna ġġib il-Gvern, l-Oppożizzjoni, l-imsieħba soċjali u l-NGOs kollha magħqudin flimkien. 

Waqt li semma kif l-għeluq tal-ajruport u l-portijiet kien meħtieġ biex ikun ikkontrollat it-tixrid tal-infezzjoni fost il-popolazzjoni lokali, Carachi semma kif il-fatti juri li xorta qed ikunu salvati l-ħajjiet speċjalment fost dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.

Malta trid tiġi megħjuna fuq l-immigrazzjoni

Huwa semma li xi kultant għażliet iebsa jridu jsiru speċjalment meta nitħallew waħedna minn UE ineffettiva biex tittratta l-gwerra fil-Libja u semma kif il-kaos fil-Libja seħħ minħabba r-Renju Unit u Franza bl-appoġġ tal-Istati Uniti. 

Carachi irrimarka li issa dawn il-pajjiżi ma jridx ikollhom x’jaqsmu xejn ma’ din it-traġedja peress li mhix qed issir f’pajjiż ġirien tagħhom u semma kif Malta, partikolarment il-Forzi Armati ta’ Malta, għamlet ħafna biex issalva l-ħajjiet tal-immigranti u ta’ persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil u li jirriskjaw ħajjithom minħabba nuqqas ta’ protezzjoni u ħajja aħjar.

“Kien tabilħaqq traġiku u kompletament diżonest għall-NGO Repubblika li tressaq investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Prim Ministru, il-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-ekwipaġġ tal-patrol boat mingħajr lanqas jistabbilixxu l-fatti bażiċi!”

Carachi żied li jekk din l-għaqda trid tassew turi l-impenn tagħha biex ikunu salvati l-ħajjiet u tassew tagħti xhieda ta’ dak li jirrappreżenta isimha għandha tisħaq fuq l-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea u l-membri tal-Parlament Ewropej, li jiġu Malta jżuruna, biex tinstab soluzzjoni għall-gwerra fil-Libja u l-konsegwenzi traġiċi tagħha. 

Il-President tal-GWU insista li dan huwa kif jistgħu juru li għandhom għal qalbhom s-salvataġġ tal-ħajjiet hekk kif il-paċi u l-istabbiltà fil-Libja jtemmu din it-tbatija kollha!

Ekonomija

Sport