Saturday, November 23, 2024

ARA: “Fiduċjużi li l-Att tal-Avukatura Jidħol fis-Seħħ Dalwaqt”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn MATTHEW CHARLES ZAMMIT, Filmat: ALAN SALIBA

Hekk kif ġie maħtur l-Eżekuttiv il-ġdid fi ħdan il-Kamra tal-Avukati, inewsmalta ltaqgħet mal-President tal-Kamra, Dr Louis De Gabriele, fejn saħaq fuq it-tama li l-Att tal-Avukatura “jidħol fis-seħħ f’qasir żmien”, u fuq il-ħidma li trid ssir wara dan il-punt ta’ tluq.

YouTube video

Fl-aħħar intervista li kellna, inti kont sħaqt hekk: “L-aspirazzjoni, mhix biss tiegħi iżda wkoll dik tal-Kunsill tal-Kamra, hija li nassiguraw għall-ġejjieni, professjoni b’saħħitha, indipendenti u awtonoma; li tassigura l-ogħla livelli ta’ kompetenza u integrita lill-klijenti, u ċioe lill-pubbliku ġenerali.”

Fi kliemek, xi progress sostanzjali sar mill-Kamra tal-Avukati fuq dan ir-rigward matul dawn l-aħħar snin? U x’jista’ jsir biex dawn il-miri jibqgħu jiġu assigurati?

Minkejja li aħna nagħmlu l-analiżi personali ta’ dak li ġara jew ma ġarax, ma rridux nkunu aħna li niġġudikaw fuq il-ħidma tagħna. Li huwa żgur huwa li dawn kienu, għadhom u jridu jibqgħu l-aspirazzjonijiet tal-kamra.

L-iktar ħaġa importanti li l-professjoni tal-Avukatura qiegħda tiffaċċja llum hija l-istandards, kemm mill-aspett tekniku, u kif ukoll ta’ etika, liema standards qegħdin jinżlu. Hemm numru ta’ raġunijiet differenti għala qiegħed iseħħ dan: It-tkabbir fil-popolazzjoni tal-avukati forsi għandu rwol ukoll. Però aktar importanti min hekk huwa li llum l-ambjent soċjo-ekonomiku li ngħixu fih inbidel sostanzjalment, u allura anki bħala professjoni għandna bżonn nevolvu fil-mod ta’ kif norganiżżaw ruħna bħala professjoni b’mod ġenerali imma anki kif neżerċitaw il-professjoni fl-aspetti kollha tagħha. Naħseb li wasal iż-żmien, u fuq din nemmen li hemm kunsens bejn l-avukati, kif ukoll mal-awtoritajiet, li nassiguraw l-istandards fil-professjoni nerġgħu nibdew ngħolluhom.

L-iktar ħaġa kruċjali biex din isseħħ hija l-Att li tirregola l-Avukatura: Dan għadnu jkun qafas regolatorju, li jirregola l-professjoni. Fil-preżent, l-unika regolamenti li hemm jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ dixxiplina fuq normi etiċi. Fl-ambitu tal-professjoni matul is-seklu 21, ċertament li dan mhux qafas regolatorju adegwat.

Ta’ min jinnota li, kuntrarju għal dak li wieħed jissoponi li jiġri fin-normal, hija l-professjoni stess li kienet tablet, u għadha tisħaq, mal-Awtoritajiet biex jiġi modernizzat il-qafas regolatorju tal-professjoni  Normalment isir bil-kontra. U din mhix kruċjata t’issa: L-ewwell abbozz kien propost fl-2008, 12-il sena ilu.

Huwa riċentament li għamilna progress verament sostanzjali: Wara perjodu ta’ konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba kellna abbozz fejn il-kummenti li rċevejna kienu sostantivi, u mhix fuq prinċpji vagi u ġeneriċi. Naħsbu li hemm lok li bi ftit emendi, il-ħolma tagħna tista’ ssir realtà, għaliex l-animu tal-Kamra, u kif ukoll tal-Gvern tramite l-Ministru tal-Ġustizzja, huwa li jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti u jsir liġi sa’ Ottubru. Dan biex bil-ftuħ tas-sena forensika, nkunu nistgħu nadoperaw f’dan l-ambitu legali ġdid.

Dan pero ma jfissirx li xogħolna bħala Kamra tal-Avukati jkun lest. Aħna dejjem għandna nibgħu Kamra indipendenti u awtonoma, allura sta għalina li nieħdu l-inizjattivi kollha li għandna bżonn biex ngħollu l-livelli tal-professjoni tagħna f’kull sens. Fosthom, wieħed mill-aktar importanti – l-aspett edukattiv.

Mill-perspettiva personali tiegħi, fejn qabel it-tagħlim iffokat fuq il-kodiċi prinċipali legali kienu sodisfaċenti ħafna għal żmieni, pero llum il-folja tant inqalbet li dan m’għadux il-każ. Minn mindu Malta saret membru stat tal-Unjoni Ewropeja, il-mod kif il-liġijiet jiġu prodotti saret xi ħaġa fenomenali, b’ritmu tant mgħaġġel li huwa iktar diffiċli minn qatt qabel biex tlaħħaq miegħu. Huwa għalhekk, fost oħrajn, li aħna bħala professjoni, hemm bżonn li norganizzaw rwieħna aħjar.   

Minkejja dan kollu, il-professjoni tibqa’ waħda b’saħħitha fl-awtonomija tagħha u rridu naħdmu aktar biex inkomplu nserrħu ras il-pubbliku in ġenerali bir-reputazzjoni tal-professjoni tagħna.

Semmejt li dan l-abbozz ilu 12-il sena jiġi fformolat biex wasalna sa dan il-punt. X’intoppi seta’ kien hemm, biex dan l-abbozz dam daqshekk biex wasal għal dan il-livell?

Kien hemm diversi. Nirrimarka pero li dan iż-żmien mhux kompletament negattiv minnu nnifsu: Jekk wieħed iħares lejn fejn qiegħed l-abbozz llum, u dak li kien ippreżentat fl-2012, l-abbozz huwa wieħed sinjifikament aħjar. Naħseb li bl-esperjenza u bl-introduzzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ulterjuri, ħriġna abbozz ferm aħjar, li jirrifletti ħafna aħjar l-esiġenzi tal-lum.

Semmejtli l-intoppi. Mela, mhix neċessarjament li kull avukat jieħu ħsieb li jiġi regolat b’mod iktar strett: Meta wieħed ikollu l-flessibilita, mhix dejjem jieħu gost li jkollu jadopera f’ambjent iktar strett. 

Kellek ukoll kwistjonijiet fuq x’jistgħu jitqiesu bħala servizzi legali, li jkunu suġġett ta’ dan l-att. Kellna dibattiti sħaħ ma’ entitajiet u professjonisti oħra, fosthom l-accountants, hekk kif numru ta’ accountants illum qed jipprovdu servizzi li aħna nqisuhom bħala legali, pero meta wieħed jieħu xejra iktar ġenerali tat-tendenzi fis-suq, jidher li aħna lesti li naċċettaw li ma jkunux suġġetti ta’ regolamentazzjoni. Fejn imbagħad niġu biex naqtgħu l-linja, dak kien dibattitu aħrax.. 

Dan kollu fil-passat. Iżda jien inħobb inħares lejn għada, u naħseb li hemm il-presupposti neċessarji biex naslu. Nixtieq li l-avukati l-ġodda jidħlu mgħallma fuq il-valuri li għandhom iħaddnu bħala avukati, u mhix iħarsu lejn l-Avukatura bħala xi negozju. Jekk l-individwu m’għandux l-amor propju għall-professjoni tiegħu, ma jistax imbagħad jippretendi li jkollu r-rispett tat-terzi tiegħu. Huwa propju għalhekk li din hija professjoni – huwa l-amor propju ta’ kull individwu lejn il-professjoni li għandu jġiegħlu jeżerċita l-professjoni b’integrità u professjonalità li tikkontradistingwi l-avukat bħala professjonist.

Tennejt li fl-opinjoni tiegħek, hemm nuqqas fl-istardards fi ħdan il-professjoni. Kont qiegħed tirreferi għal kontroversji speċifiċi?

Le, ma kontx qiegħed nirreferi b’mod speċifiku fuq każijiet individwali. 

Bħala Kamra, aħna rajna l-professjoni tinbidel, u rajna l-ambjent soċjo-ekonomiku Malti jibidel ukoll. Ir-realtà hija, li inti ma tistax topera f’ambjent madwarek li nbidel kompletament f’dawn l-aħħar tletin sena,  waqt li fl-istess ħin żżomm ir-regolamentazzjoni tal-professjoni kif kienet mitejn sena ilu. L-esiġenżi fuq l-avukati tal-lum huma differenti ħafna minn dawk ta’ qabel.

Bħala eżempju: Meta kont żgħir jien, il-maġġor parti tal-avukati kienu jidħlu jaħdmu l-Qorti: kellek grupp żgħir ta’ avukati libero-professjonisti, li kienu joqogħdu seqer u jżommu ta’ kontroll għall-kondotta ta’ xulxin. Illum, il-popolazzjoni tal-Avukatura kibret, tant illi anqas nafu bl-eżatt kemm hawn persuni li qegħdin jaħdmu bħala avukat fil-preżent. U dann huwa aspett li rridu naħdmu fuqu tramite l-abbozz legali: irridu li jkun hemm reġistrazzjoni uffiċjali tan-numru ta’ avukati preżenti, u ta’ kemm minnhom għadhom attivi fil-professjoni. 

Li nafu żgur huwa li l-univers tal-avukatura kiber: għandek ftit biss li jaħdmu l-Qorti, filwaqt li oħrajn jaħdmu f’setturi differenti, u li għaldaqstant, jiffaċċjaw esiġenzi differenti. Irridu  nindirizzaw dawn b’regoli u linji gwida li jifhmu u japprezzaw l-esiġenzi tal-llum, u billi ngħollu l-livelli ta’ kif jaħdem l-avukat f’kull kamp 

Aspett ieħor li rridu nbiddlu huwa l-influwenza tagħna fuq kif jiġi fformolat il-kors Universitarju tal-avukatura. Nirrikonoxxu li l-Università ta’ Malta hija istituzzjoni akkademika indipendenti, pero nemmen li jekk aħna rridu noqgħodu fuq il-mod li jiġu mgħallma l-avukati futuri biex insaħħu l-professjoni tagħna, naħseb li għandu jkun hemm dibattitu serju bejn il-professjoni u l-Università dwar x’għandha bżonn il-professjoni fil-prattika, u allura x’jiġu mgħallma l-istudenti, li fl-aħħar mill-aħħar jaspiraw li propju jipprattikaw il-professjoni. 

Irid jinfetaħ dibattitu bejn l-istitut akkademiku li jipprepara n-nies għall-professjoni, biex il-kors jiġi mibdul fejn hemm bżonn  u jsir wieħed iktar relevanti għall-professjoni.

Bħala Kamra tal-Avukati, kellkom sena fejn ma ddejjaqtu xejn ssemgħu leħinkom fuq ċertu kontroversji li kienu qegħdin jiġu rrapurtati fil-ġurnali. Taqbel forsi mal-asserzjoni li din kienet sena fejn il-Kamra kienet voċifera iktar minn qatt qabel fuq dak li kien qiegħed jikkonċerna lill-membri tagħha? U jekk  iva, għaliex taħseb li kien hemm il-bżonn ta’ dan?

Naħseb li iva, pero wieħed irid jikkunsidra l-kuntest ta’ dak li kien qiegħed jiġri fil-pajjiż. Kienu żminijiet ddominati minn mistoqsijiet fuq is-saltna tad-dritt. Jekk bħala Kamra ma nitkellmux fuq dan is-suġġett, fuq xiex nistgħu nitkellmu?

Fuq din il-kwistjoni, aħna bħala Kamra ressaqna rapport b’numru ta’ rakommandazzjonijiet, u l-fatt li konna ta’ għajnuna għall-Gvern meta ġejna biex nitkellmu fuq ċertu kwistjonijiet, fosthom il-ħatra tal-ġudikatura, tagħmilna kburin. Sodisfatt ħafna li mill-proposti tagħna, il-maġġoranza assoluta tagħhom ġew addottati. Hija ċara wkoll li l-Kummissjoni ta’ Venezja, b’mod importanti, indunat li għalkemm kien il-Gvern li kien qiegħed jippreżenta l-proposti, dawn kienu b’ħidma flimkien mas-soċjeta ċivili, mas-settur privat kif ukoll mal-professjonisti nfushom. 

Id-dimensjoni tad-dibatittu pubbliku fuq is-saltna tad-dritt kien jirrikjedi lijkollna sehem iktar attiv fid-dibatittu. 

Fid-dawl ta’ dan, tipprevedi li l-Kamra ħa tibqa għaddejja b’mod mill-aktar attiv u voċiferu?

Iva. Per eżempju, meta ssir il-Konvenzjoni fuq il-Kostituzzjoni, nemmen li l-Kamra għandha dover biex tipparteċipa b’mod attiv. Is-sitwazzjoni hekk tirrikjedi: Għandna x’nikkontribwixxu: id-dibattitu fis-soċjetà għandu jkun hemm u aħna għandna jkollna rwol u kontribut xi nwasslu f’dan id-dibattitu.

Irridu nifhmu l-fatt li ma nistgħux naqbdu u nimpurtaw prinċipji minn pajjiżi oħra, fosthom fehmiet legali, mingħajr ma nikkunsidraw iċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna. L-importanti, pero, li jsir id-dibtattitu b’mod matur u komprensiv. 

L-għan tagħna huwa li ngħollu l-livell tal-professjoni in ġenerali, u fejn ikun hemm in-nuqqasijiet, inkunu aħna stess li niġbdu l-attenzjoni lejhom. Għal kull avukat li pubblikament jagħmel xi ħaġa ħażina, il-kumplament tal-avukatura titpoġġa’ fl-istess keffa. Kull wieħed u waħda minna, bħala auvkati, għandu jħoss din ir-responsabbilità, fil-konfront tal-kollegi tiegħu, li m’għandux inaqqas mid-dekor tal-professjoni: Fejn il-membri tagħna jiżbaljaw, aħna nkunu l-ewwel nies li nagħtu gwida lill-membri tagħna. Dan huwa wieħed mill-pilastri ewlenin li fuqhom hija mibnija l-Kamra tal-Avukati. 

Aspett ta’ din is-sena li żgur ħadd ma basar kienet il-pandemija tal-Covid-19, li fost l-oħrajn wasslet għall-waqfien tal-Qrati għal ftit ġimgħat. Indubbjament dan ħalla effett fuq l-operat u l-introjtu tal-avukati kollha f’Malta, pero kif rreaġixxiet il-Kamra biex ttaffi kemm jista jkun l-effetti negattivi tal-pandemija?

 Qegħdin insegwu s-sitwazzjoni mill-qrib, u f’dan l-ambitu, qegħdin f’djalogu kontinwu mal-Amministrazzjoni tal-Qrati, kif ukoll mar-rappreżentanti tal-ġudikatura.

Minħabba l-pandemija, is-setturi kollha f’Malta ntlaqtu b’mod negattiv: il-problemi tal-avukatura kienu differenti, sempliċiment minħabba n-natura tal-professjoni, pero xorta qegħdin hemm. Jiena konvint, pero, li l-professjoni se tħoss l-impatt finali mhix issa, iżda iktar tard. 

L-avukati huma t-tieni linja ta’ difiża fl-ekonomija, filwaqt li l-klijenti tagħna huma l-ewwel li jħossu l-impatt ekonomiku ta’ pandemija bħal din. . L-inkwiet tiegħi huwa li n-nuqqas tal-likwidità li potenzjalment se jsofru minnu numru ta’ negozji, jista’ jwassal biex toħloq problema fil-professjoni, fejn klijenti ma jkunux jistgħu iħallsu –  dan hemm ċans li jinħass aktar tard meta l-klijenti tal-avukat ikunu verament bdew iħossu l-problemi tagħhom isiru aktar u aktar reali.. 

Kellkom il-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħkom ftit tal-jiem ilu. X’qegħdin tistennew li jseħħ fiż-żmien li ġej?

L-ikbar aspettattiva għadha u tibqa’ il-promulgazzjoni tal-Att dwar l-Avukatura. Nisperaw, b’mod pożittiv, li x’ħin dan iseħħ, immorru għall-applikazzjoni tagħha b’mod effettiv, nerfgħu r-responsabbilitajiet tagħna biex niplimentawha bl-aħjar mod, u nużaw l-għodda li ttina biex nagħmlu effett immedjat fil-professjoni. Matul it-terminu li ġej ta’ 3 snin, irridu nagħtu spinta sew lill-Akkademja Legali Maltija, l-organu edukattiv fi ħdan il-Kamra.

U dawn huma fl-aħħar mill-aħħar il-pilastri tal-ħidma tagħna għas-snin li ġejjin: L-edukazzjoni, biex insaħħu l-kompetenza teknika tal-avukati tagħna; L-aspett regolatorju, u l-użu tal-għodda biex ngħollu l-livell tal-professjoni f’kull kamp; u fl-aħħar, li nirrendu lilna nfusna iktar relevanti għal dawk l-avukati li ma jaħdmux fil-Qorti.

Sport