Monday, December 23, 2024

“Fih dehret il-grazzja, il-ħniena u l-paċenzja ta’ Alla”

Aqra wkoll

“Fih dehret il-grazzja, il-ħniena u l-paċenzja ta’ Alla.” Kliem l-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-omelija tal-okkażjoni waqt il-quddiesa biex tfakkar it-tqegħid tal-fdalijiet ta’ Bro. Louis Camilleri FSC f’qabar fil-kappella tal-Kulleġġ Stella Maris, Gżira, parti mill-proċess tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tiegħu.

Aħna u nfakkru l-Qaddej ta’ Alla, Bro. Louis, tajjeb li niftakru fih, hu u jgħix u jwettaq il-kliem tal-Evanġelju ta’ San Mattew li l-Knisja taqra u tħabbar fil-festa tal-fundatur għażiż, San Jean-Baptiste de La Salle. “Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu dak li jċekken lilu nnifsu…” (Mt 18:3-4).

“Ma nitwildux qaddisin, imma Alla jagħmilna qaddisin, bil-grazzja u l-ħniena tiegħu. Fil-ħajja ta’ kull qaddej ta’ Alla, ikun hemm bżonn li nfittxuha wkoll,” kompla jgħid Mgr Scicluna.

“Il-qdusija mhijiex li qatt ma dnibt, imma li fid-dnub tagħraf li taħdem fik il-ħniena ta’ Alla kontinwament”

“Min jaf kemm-il darba għamel hekk Bro. Louis bil-kelma tiegħu, bil-vokazzjoni tiegħu ta’ għalliem, ta’ gwida spiritwali ta’ ħafna nies. M’aħniex qed ngħidu li qatt ma żbalja, jew li ma kienx midneb; imma fih dehret il-grazzja, il-ħniena u l-paċenzja ta’ Alla.”

Jikkonċelebraw mal-Arċisqof Scicluna kien hemm Mons. Brendan Gatt, delegat tal-Arċisqof, Dun Gordon Refalo, kappillan tal-Gżira, u Dun Anthony Fitzpatrick. Dun Ġino Gauci, id-diżinjatur tas-sarkofagu, ma’ setgħax ikun preżenti.

In-numru ta’ mistednin, li kien limitat ħafna, kien immexxi mill-Brothers tal-Komunità Lasaljana Maltija. Preżenti ukoll kien hemm familjari ta’ Bro. Louis, membri tal-kunsill tal-Konfraternità Signum Fidei, il-grupp ta’ sostenituri ta’ Bro. Saviour Gatt, Viċi-Postulatur, membri tat-tmexxejja tal-Kulleġġi Lasalljani u d-Diretturi ta’ Halmann V. tal-Mosta li kienu fdati bix-xogħol eċċellenti tas-sarkofagu, sempliċi, iżda tant dinjituż li jirrifletti il-karattru u l-virtù ta’ Bro. Louis Camilleri.

Ekonomija

Sport